Opinjoni

OPINJONI: Tlieta minn kull għaxra tal-popolazzjoni barranin

Grafika dwar iż-żieda fil-popolazzjoni bejn l-2008 u l-2024 kif dehru fi stqarrija tal-NSO fl-10 ta’ Lulju 2025

minn Joe M. Zahra

Il-problema tal-popolazzjoni qed tiggrava kuljum. Mhux biss għax qed jiżdiedu n-numru ta’ barranin iżda anki minħabba li qed jonqsu t-twelidijiet fost il-popolazzjoni indiġena ta’ Malta u Għawdex.

Sa 90,000 turist kuljum

Qed tiggrava wkoll bit-turiżmu tal-massa li ħakem pajjiżna meta f’xahar wieħed, dak ta’ Awwissu tas-sena l-oħra, it-turisti li żaruna qattgħu 2,742,971 lejl, ekwivalenti għal medja ta’ 88,483 turist kuljum. Hekk il-popolazzjoni f’ċertu ġranet taqbeż is-660,000. Jiflaħ pajjiżna għal din il-popolazzjoni kollha!

Il-problema taż-żieda fil-popolazzjoni hija waħda serja u reali. Dan għal diversi raġunijiet. Qabel xejn iż-żieda twettqet bla ebda pjan. Il-Gvern jgħid li jrid imur għat-turiżmu tal-kwalità u l-pajjiż jibqa’ jitgħabba b’turiżmu tal-massa.

Dan kollu tefa’ l-infrastruttura tagħna fi kriżi kontinwa, bl-elettriku jinqata’, bid-drenaġġ jiżbokka fil-baħar, bil-ħmieġ isaltan f’postijiet frekwantati mit-turisti, b’żieda fit-traffiku li qed tkun ta’ xkiel għall-Maltin li jaħdmu għax qed ikollhom iqattgħu ħin twil tal-ġurnata f’serbut ta’ vetturi.

Iż-żieda fil-popolazzjoni ġabet ukoll fuq pajjiżna kriżi ambjentali għax il-kobor ta’ pajjiżna huwa dak li hu, u dak li qabel kien jinqasam bejn 320,000 issa jrid jinqasam b’iktar mid-doppju. Dan huwa ta’ detriment ukoll għal saħħitna. Għas-saħħa mentali ta’ ħafna.

Iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ ħaddiema barranin, l-iktar dawk minn barra l-Unjoni Ewropea li jagħmlu l-parti l-kbira tal-ħaddiema barranin, qed ikollha effett negattiv fuq il-pagi u s-salarji tal-ħaddiema Maltin.

Mhuwiex tort tal-ħaddiema barranin għax dawn ġew fostna biex jaħdmu u jaqilgħu l-ġurnata kif konna nagħmlu aħna meta konna nemigraw lejn l-Awstralja, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Amerika. Qed joħroġ sena wara sena li ż-żidiet fil-pagi li qed jingħataw il-Maltin huma fost l-inqas, jew l-inqas fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Hemm setturi fejn mhux talli ma ġietx reġistrata żieda iżda kien hemm ukoll tnaqqis!

Dan jimpatta wkoll fuq il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti. Mhux tal-ftit favoriti li jaqilgħu salarji ħames darbiet u iktar ta’ dawk bl-inqas pagi. Dan qed iwassal biex qed jikber id-distakk bejn min jaqla’ ħafna u min jaqla’ ftit. Bejn dawk sinjuri u l-bqija li qed jitħallew lura. Qed iwassal ukoll biex ħafna familji ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar b’dak li jaqilgħu. Wassal biex għandna f’pajjiżna 108,000 persuna fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-problema tat-twelidijiet

Ebda żvilupp ekonomiku ma jseħħ jekk ma jkunx hemm il-ħaddiema meħtieġa f’kull settur produttiv. B’żieda fil-popolazzjoni indiġena ta’ medja ta’ 500 fis-sena fl-aħħar tnax-il sena u ta’ ħafna inqas fl-aħħar ftit snin, il-pajjiż ma jistax isostni l-ekonomija tiegħu.

Aktar u aktar meta għandek eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin li qed jittieħdu mis-settur privat biex jaħdmu fis-settur pubbliku. Meta għandek parti  dejjem ikbar tal-popolazzjoni li taqbeż il-65 sena. Huwa hawnhekk fejn tidħol il-problema tat-twelidijiet. Dawn qed jiżdiedu b’medja ta’ 4,300 fis-sena, twelidijiet li mhux biss ta’ ġenituri Maltin iżda ħafna minnhom ulied ġenituri barranin.

Il-problema ta’ inqas twelidijiet titlob soluzzjoni immedjata. Mhux il-miżuri nofs kedda u nofs qalb li jieħu dan il-Gvern, fejn xorta s-sena li għaddiet il-popolazzjoni ta’ barranin żdiedet b’iktar minn 10,000. Pajjiżna issa ilu f’dak li Papa Franġisku sejjaħ bħala xitwa demografika, bi Gvern li quddiem sitwazzjoni hekk serja għażel li jibqa’ trux u mutu.

Pajjiżi oħra, fosthom anki fl-Unjoni Ewropea, qed jagħmlu minn kollox biex isolvu din il-problema. Aħna għadna lanqas biss missejniha aħseb u ara kemm solvejniha.

Żgħażagħ iħallu pajjiżna

Il-Gvern irid jara għaliex tant żgħażagħ mhumiex jieħdu l-istat tagħhom, jew qed iħallu għal meta jikbru. Irid jieħu bis-serjetà l-problema tal-pagi u s-salarji baxxi, il-propjetà għolja ħames darbiet iktar mir-rata tal-inflazzjoni, il-kirjiet għoljin ħafna iktar miż-żidiet fil-pagi.

Il-meritokrazija li tant ftaħru biha qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 biex illum qegħdin f’pożizzjoni fejn jgħodd lil min taf u mhux x’taf. Dan qed jimbotta ħafna żgħażagħ biex iħallu pajjiżna u jmorru jsibu xogħol barra għax ma jistgħux ikomplu jaraw min kien fuq l-istess bank ħdejhom, m’għandux il-kwalifiki li għandhom huma u jispiċċa f’impjiegi u ħatriet li huma lanqas biss joħolmu!

Minn hemm irid jibda l-Gvern jekk ma jridx li l-‘brain drain’ ta’ żgħażagħ li qed iseħħ f’pajjiżna tkompli tiggrava. Il-Gvern irid joħroġ b’miżuri biex tal-inqas iż-żgħażagħ jibqgħu fostna.

Il-Gvern irid jippjana wkoll, u bla dewmien, biex jinkoraġixxi lill-Maltin ikollhom iktar tfal. Irid jagħti inċentivi billi nisa li jkunu jaħdmu u jkollhom it-tfal ikunu jistgħu jrabbu lil uliedhom filwaqt li ma jitilfu xejn mill-kontribuzzjonijiet li jkunu jħallsu.

Jingħataw għajnuna finanzjarja li tagħmel tajjeb għall-pagi u s-salarji li jkunu tilfu biex irabbu lil uliedhom. Ma jitilfux l-impjiegi li jkunu fihom qabel saru ommijiet u jibqgħu fl-istess gradi li kellhom. Il-Gvern irid ikun awdaċi fid-deċiżjonijiet li jieħu u mhux jipprova jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar kif spiss jagħmel.

Il-problema taż-żieda fil-popolazzjoni trid tinstabilha soluzzjoni billi jkun hemm bilanċ bejn dak li l-pajjiż jeħtieġ u dak li jista’ jkollna minn sorsi lokali. Il-Gvern irid jieqaf ‘jisraq’ il-ħaddiema mis-settur privat biex jimla’ s-settur pubbliku, l-aġenziji u korporazzjonijiet li jwaqqaf b’mod regolari biex ipoġġi fihom nies ‘tal-qalba’ u ‘blue eyed boys’.

Jekk il-problema tal-popolazzjoni ma tiġix solvuta mhux ’il bogħod, jasal iż-żmien fejn f’pajjiżna jkun hawn iktar barranin milli Maltin u Għawdxin. Imbagħad ‘addio’ għal din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha!

Tabella li turi kemm żdiedet il-popolazzjoni Maltija u Għawdxija, sena b’sena bejn l-2012 u 2024. Din it-tabella turi li l-ikbar żieda kienet fl-2016 b’1,134 u l-inqas fl-2022 b’żieda ta’ 79

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 18 ta’ Lulju, 2025.