Raġel ta’ 59 sena, Khaled Riani, li huwa Libjan residenti f’Raħal Ġdid, ġie poġġut taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li ammetta li pprova jweġġa’ minor b’sikkina tal-butir f’ġrajja li seħħet fis-16 ta’ Lulju. L-inċident seħħ wara argument bejn ir-raġel u l-minuri, allegatament wara li l-minuri insulta lir-raġel, li min-naħa tiegħu ħa sikkina tal-butir u pprova jattakkah.
Fortunatament, il-minuri ma sofra l-ebda ġrieħi. Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, Riani wieġeb ħati għall-akkużi ta’ attentat li jikkaġuna ġrieħi gravi u ksur tal-paċi pubblika. Il-Qorti kkunsidrat li Riani għandu rekord kriminali nadif u ħadet nota taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inkluż il-fatt li l-arma kienet sikkina tal-butir u li l-vittma ma ġarrab l-ebda ħsara.
Il-Qorti poġġiet lir-raġel taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin, imponiet ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin u mponiet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-minuri u tal-lok fejn seħħ l-inċident favur il-minuri. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Martina Calleja, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistita mill-Ispettur Clayton Camilleri. L-akkużat kien assistit mill-Avukat George Anton Buttigieg