Każ xokkanti li seħħ f’Ħaż-Żabbar fejn raġel ta’ 64 sena għamel il-ħajja ta’ mara anzjana li fil-passat kienet l-eks sieħba tiegħu billi wara li offrielha residenza minn tiegħu, kien isakkarha ġewwa. Għal xi perjodu kienet drat tgħix din il-ħajja, imma darba fost oħrajn iddeċidiet li tipprova taħrab u għamlet dan billi kissret il-ħġieġ tal-antiporta u spiċċat weġġgħet.
Madankollu r-raġel ra barra fit-triq, aggrediha u serqilha l-mobile, bl-anzjana tmur l-Għassa bid-demm fuqha u wara spiċċat għamlet jumejn għall-kura fl-Isptar Mater Dei. Dawn id-dettalji ħarġu fil-Qorti li kkundannat lil Francis Micallef għal sentejn u tliet xhur ħabs effettivi wara li nstab ħati ta’ serq bi vjolenza fuq mara anzjana ta’ 73 sena f’Ħaż-Żabbar.
Huwa nstab ħati li sakkar lill-anzjana fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żabbar u għaldaqstant naqqas l-aċċess għal libertà tagħha. Instab ħati wkoll ta’ vjolenza domestika. Il-każ seħħ fl-1 ta’ Mejju tal-2024. Skont ix-xhieda tal-vittma, l-inċident seħħ għall-ħabta tat-8:45am wara li ħarbet mir-residenza.
Meta kienet qed tistenna l-karozza tal-linja qrib Triq il-Kunvent, f’dak il-ħin, Micallef resaq lejha, qabadha minn wara, u bil-forza ħadilha l-mobile u cashlink card li kienet qed iżżomm f’idha. Waqt l-aggressjoni, il-mara tilfet l-ekwilibriju u waqgħet mal-art, filwaqt li sofriet ġrieħi ħfief. Hija kienet ukoll f’qagħda emozzjonali diffiċli ħafna.
ll-mara rrappurtat l-inċident fl-Għassa tal-Pulizija, u ġew analizzati filmati mill-kameras taz-zona. Il-Pulizija identifikaw lil Micallef bħala s-suspettat u arrestawh. Huwa kien identifikat ukoll mill-vittma fil-konfrontazzjoni mal-Pulizija.
L-Ispettur Kurt Farrugia xehed li nhar l-1 ta’ Mejju tas-sena 2024, waqt li kien l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar, ġie infurmat minn kuntistabbli li anzjana marret tagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija fejn stqarret mal-Pulizija li dakinhar filgħodu hija kienet f’residenza f’Ħaż-Żabbar stess, liema residenza kienet ipprovduta minn ċertu Francis Micallef, li hija kellha wkoll relazzjoni miegħu.
Dakinhar filgħodu stess bħas-soltu hu kien sakkarha biex ma tkunx tista’ toħroġ mill-istess residenza. Għaldaqstant kellha tkisser ħġieġa ta’ antiporta u rnexxielha toħorġ mid-dar. Sussegwentement imbagħad, waranofsinhar, hi qalet li waqt li kienet qiegħda fi Triq il-Kunvent, Ħaż-Żabbar, faċċata taċ-Ċentru Ċiviku fl-istess lokalità u ġiet avviċinata waqt li kienet qiegħda fejn il-bus stop mill-istess Francis Micallef.
Dan qalibha mal-art, ipprova joħdilha l-baskett fejn imbagħad mill-baskett ħadilha l-cashlink u l-mobile phone tagħha tal-għamla Nokia. Skont il-vittma, Micallef sakkarha ġewwa l-fond tal-binja permezz ta’ katina u katnazz, sakemm irnexxielha tinħeles biss wara li kissret il-ħġieġ tal-antiporta tar-residenza. Hija qalet ukoll lill-Pulizija li kien ħadilha l-mobile phone u cashlink card wara li ħatfilha l-baskett minn idejha.
Il-kuntistabbli li kien l-għassa għamel sejħa għal ambulanza fejn il-vittma ġiet iċċertifikata li kienet qed isofri minn ħsara fiżika ħafifa, dan skont kif iċċertika t-tabib tal-isptar f’Mater Dei. Kien hemm ukoll indikazzjoni ta’ stress mentali fil-konfront tal-mara.
L-Ispettur Farrugia stqarr li wara li analizza l-informazzjoni li kellu f’idejh, fit-2 ta’ Mejju 2024, infurma l-Maġistrat tal-Għassa u ottjena l-ħruġ ta’ Mandat ta’ Arrest fil-konfront ta’ Francis Micallef, liema Mandat ġie esegwit u Francis Micallef ġie arrestat nhar it-3 ta’ Mejju 2024.
Dwar l-arrest l-Ispettur Farrugia xehed li l-Pulizija marret f’residenza ta’ Micallef f’Marsascala, wara nofsinhar però ħabbtu kemm-il darba u dan ma kienx jinsab hemmhekk. Peress li kienu jafu li l-vittma kienet qed tirrisjedi fir-residenza li kien provdielha Francis Micallef f’Ħaż-Żabbar, marru hemm u wara li ħabbtu fetaħ Francis Micallef.
L-Ispettur qal li hu spjegalu fuq il-mandat fuq xiex kien qed jiġi arrestat. Tah ukoll l-ittra tad-drittijiet, liema arrest sar għall-ħabta ta’ 3.45pm. Meta spjegalu fuq xiex kien qed jiġi arrestat, huwa minn jeddu għażel li jgħaddi lura l-mobile li huwa kien ħa lil mara kif ukoll il-cashlink.
Saret ukoll tfittxija fuq il-persuna tiegħu sabiex ma jkunx hemm periklu fejn ukoll ġie elevat il-mobile tiegħu stess. Sussegwentement ittieħed d-Depot tal-Pulizija sabiex titkompla l-investigazzjoni minnu u mill-Ispettur Colin Sheldon, mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika.
L-Ispettur Colin Sheldon xehed li fl-1 ta’ Mejju 2024 ikkuntatjat mill-Ispettur Kurt Farrugia mill-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar fejn iddiskuta miegħu li kien daħal rapport dakinhar stess u kien se jkellmu fuq xi affarijiet li
kellhom x’jaqsmu ma’ vjolenza domestika fejn kienet marret anzjana l-Għassa Ħaż-Żabbar tagħmel rapport.
Il-vittma sostniet li lil Micallef kienet ilha tafu għal madwar 12-il sena fejn qalet li kellhom relazzjoni flimkien, liema relazzjoni kienet intemmet u qalet ukoll li Francis kien offrielha residenza li huwa kien wiret mingħand il-ġenituri tiegħu u hi peress li kienet ‘homeless’ kien jospitaha f’din id-dar. Qabel kienet tgħix f’dar tal-anzjana imma kienet iddejqet għax mhux l-ewwel darba li kienu jisirquha hemm.
Hija qalet li dakinhar stess filgħodu x’ħin ipprovat toħroġ mir-residenza, qalet li sabet li kien hemm l-antiporta ta’ ġewwa kienet imsakkra b’katina u ma setgħetx tiftaħ il-bieb. B’xi mod irnexxielha tkisser il-ħġieġa tal-antiporta u rnexxielha toħroġ mill-antiporta, imbagħad eventwalment ħarġet barra u telqet lil hemm.
L-allegata vittma xehdet waqt is-seduta tal-15 ta’ Mejju 2024. Hija kkonfermat li fiż-żmien hi u l-imputat kellhom relazzjoni bejniethom. Qalet li Frans Micallef kien iħalliha msakkra ġewwa. Qalet li ġieli kemm-il darba kien iħalliha ġewwa msakkra u xi mumenti ma kenitx tagħti każ għax kienet drat, imma din l-aħħar waħda kienet xebgħet u ddejqet u ppakkjat il-basktijiet biex titlaq.
Lestiehom f’kamra oħra għax ma setgħetx teħodhom magħha peress li kienu tqal u ħallithom hemm. Hija stqarret li hemm ġew kienet iddisprat. “Għedt imma jiena dan mhux ħa nibqagħlu hawn ġew. Qbadt tnalja milli għandu u għalxejn. Imbagħad donnu ġie min jgħidli, aqbad martell, kisser dak il-ħġieġ u għaddi minn ġol-ħġieġ u hekk għamilt eżatt”.
“Għaddejt minn ġol-ħġieġ u ftaħt il-bieb u tlaqt ‘il barra. Hija żiedet tgħid li iktar tard, għall-ħabta tal-4pm. kienet qed taqsam ħdejn il-Labour Office ta’ Ħaż-Żabbar u f’daqqa u l-ħin mar l-imputat fuqha “… qabadli l-baskett u ħatafuli u bil-ġibda li ġibidli waqqagħni u qabadli l-portmoni, ħadli l-cashlink, ħadli l-mobile, imbagħad qabel ma telaq, anzi qalli ġib idejk biex refagħni biex qajjimni mill-art.
“Imbagħad meta telaq ġiet it-tifla, u għedtilha, bix-xorti ġejt għax telaq’, qaltli x’ġaralek? … għedtilha mhux dak, għedtilha ġie ħadli l-cashlink u ħadli l-mobile – u qaltli “Imxi ħa mmorru għandu”. Għedtilha “imxi ħa mmorru”… U morna nsomma u ma kienx hemm. Imbagħad mort l-Għassa u ċempluli għall-ambulanza u għamilt jumejn l-Isptar.
Minn naħa tiegħu l-akkużat qal li huwa kien isakkar il-post biex ma jidħlulux nies id-dar. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella eskludiet dan il-fatt u qalet li r-reat kriminali xorta seħħ. Mill-provi prodotti, senjatament mix-xhieda tal-vittma, mill-istqarrija tal-imputat u mix-xhieda ta’ persina oħra, xhud prodott mid-Difiża, jirriżulta b’mod ċar li huwa kien isakkar lill-vittma.
Huwa għamel dan billi għadda katina minn ħolqa fl-antiporta tal-fond u għalaq permezz ta’ katnazz, b’dana li l-vittma, li dak il-ħin kienet ġewwa, ma setgħetx b’mod normali u immedjat toħroġ mill-fond.
L-anzjana baqgħet hekk imsakkra fil-fond għal ħin konsiderevoli għaliex naturalment bl-antiporta magħluqa b’katina b’katnazz fuq barra ta’l-istess antiporta, hija ma setgħetx b’mod immedjat tiftaħ u toħroġ ‘il barra.
Biex toħroġ mill-fond kellha tirrikorri għal metodi oħra, l-ewwel ippruvat tuża tnalja iżda xorta ma rnexxilhiex tneħħi l-katina u kien biss wara li kissret il-ħġieġ tal-antiporta li rnexxielha tilħaq il-bieb u toħroġ ‘l barra mill-fond fejn kienet imsakkra.
L-imputat ipprova jiġġustifika l-aġir tiegħu billi jgħid li dakinhar tal-1 ta’ Mejju 2024 hu kien sakkar lill-anzjana, biex ma ddaħħalx nies, iżda tali skuża ma tista’ bl-ebda mod teżonora lill-imputat mir-responsabilità kriminali tal-aġir tiegħu kontra l-vittma.
Dakinhar, qalet il-Qorti, l-imputat bil-volontà tiegħu għażel li jirrestrinġi l-libertà ta’ mara.
milli toħroġ mill-fond imsemmi. Fid-dawl ta’ dan kollu għalhekk il-Qorti tqis li l-imputat għandu jinstab ħati tas-sitt akkużi li ġie mixli bihom.
Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni n-natura gravi tar-reati li tagħhom l-imputat instab ħati u tikkundannah għall-perijodu ta’ sentejn u tliet xhur priġunerija effettiva. Mit-terminu ta’ priġunerija effettiva hawn impost fuq l-imputat għandu jitnaqqas dak iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv inkonnessjoni ma’ dan il-każ.
Il-Qorti ħarġet ukoll fil-konfront tal-imputat Ordni ta’ Trażżin għall-fini li tipprovdi għas-sigurtà
tal-vittma. L-Ordni ta’ Trażżin inħarġet għal perijodu ta’ ħames snin minn dakinhar mid-data tas-sentenza. Il-Qorti spjegat lill-imputat bi kliem ċar il-kondizzjonijiet imposti fuqu bl-Ordni ta’ Trażżin maħruġ fil-konfront tiegħu kif ukoll ir-responsabilità tiegħu f’każ li jikser xi waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet.
F’tali eventwalità ta’ ksur jista’ jiġi ikkundannat għal multa ta’ €7,000 jew għal priġunerija ta’ mhux iżjed minn sentejn jew għal tali multa u priġunerija flimkien. L-imputat ġie ordnat iħallas lir-Reġistratur tal-Qrati Kriminali u Tribunali s-somma ta’ €2,747.92 rappreżentanti spejjeż inkonnessjoni man-nomina
tal-Espert Tekniku Keith Cutajar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Colin Sheldon.
//= $special ?>