Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Jan Pace fin-Naxxar

Storja li ħalliet marka f’bosta persuni li kienu jafuh. Funeral li kien xiehda tar-rispett kbir li kien igawdi.

Il-Ġimgħa filgħodu, fin-Naxxar, ingħatat l-aħħar tislima lil Jan Pace – ir-raġel li nstab bla ħajja f’garaxx f’Tal-Pietà, wara jiem ta’ tfittxija għalih.

Din l-istorja ta’ Jan ħalliet lil ħafna xxukjati; tant li kienu bosta dawk li taw l-aħħar tislima lil dan ir-raġel li miet fl-età ta’ 36 sena.

Dawk li attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Jan Pace dehru viżibbilment emozzjonati – speċjalment għall-fatt li din it-telfa ħasdet lil bosta.

Diversi kienu dawk li ntlaqtu mill-kliem mimli emozzjoni ġej minn fomm il-qraba u l-ħbieb tiegħu, li spjegaw li ser jibqgħu jitfakru d-daħqa u s-sempliċità ta’ dan il-bniedem li matul ħajtu ferraħ kemm seta’ nies li kellu madwaru.

Il-funeral sar fis-Santwarju tal-Ħniena Divina fin-Naxxar. U preżenti kien hemm bosta ħbieb u qraba li anke kkollaboraw ma’ Jan b’mod speċjali fix-xena mużikali.

Dan apparti li bosta sellmu l-memorja ta’ Jan Pace fuq il-midja soċjali – b’għexieren ta’ persuni jisħqu li din it-telfa kienet waħda ta’ xokk kbir… fost dieqa kbira wara li tilfu persuna li kienet fl-aqwa ta’ ħajjitha.