Internazzjonali

30 midruba wara li karozza saqet f’folla f’Hollywood

Madwar 30 persuna ndarbu wara li s-Sibt filgħodu vettura saqet f’folla kbira ta’ nies fil-Lvant ta’ Hollywood. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00a.m. ħdejn West Santa Monica Boulevard, skont il-kummenti uffiċjali mogħtija mid-Dipartiment tan-Nar ta’ Los Angeles (LAFD).

Mill-informazzjoni inizjali, seba’ individwi jinsabu f’kundizzjoni kritika filwaqt li sitta oħra qed jiġu ttrattati għal ġrieħi serji. Għaxar persuni oħra sofrew ġrieħi ħfief, u huma meqjusa li jinsabu f’kundizzjoni stabbli. Sebgħa oħra inghataw l-ghjanuna fuq il-post minn professjonisti mediċi iżda għażlu li ma jittieħdux l-isptar.

Il-LAFD bagħat fuq il-post 124 ħaddiem, inkluż timijiet tat-tifi tan-nar u tas-servizz mediku ta’ emerġenza, biex jassistu lill-vittmi u jikkontrollaw is-sitwazzjoni. “Ir-rispons immedjat tal-ekwipaġġi tagħna kien kruċjali biex jiġu salvati ħajjiet,” qal kelliem għall-LAFD.

L-awtoritajiet għadhom ma ħarġux dettalji dwar is-sewwieq jew il-vettura involuta, u filfatt l-pulizija qed jitolbu sabiex kull min għandu informazzjoni, jew kien preżenti waqt l-inċident, javviċina lill-awtoritajiet.

L-awtoritajiet qed jitolbu lill-pubbliku biex jevitaw iż-żona waqt li l-investigaturi u s-servizzi ta’emerġenza jkomplu bil-ħidma tagħhom fuq il-post.