Lokali

Il-Gvern qed ifalli l-obbligu tiegħu lejn il-Belt Kapitali u l-wirt dinji ta’ Malta

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapport tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li kkonferma dak li l-PN ilu jgħid snin twal: li l-Pjani Lokali u policies oħrajn tal-ippjanar f’Malta, jinħtieġu aġġornament biex jirriflettu t-tibdiliet ambjentali, demografiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali li saru matul l-aħħar 20 sena, u biex jipproteġu u jissalvagwardjaw b’mod effettiv il-wirt storiku u arkitettoniku uniku tagħna, inkluż il-Belt Kapitali.

Il-Belt Valletta qed tirriskja li titlef it-titlu ta’ Wirt Dinji minħabba nuqqas ta’ tmexxija min-naħa tal-Gvern. Jeħtieġ li ssir valutazzjoni serja fuq l-impatt tal-wirt nazzjonali (Heritage Impact Assessment) u jiġi ppreżentat rapport komplut sal-1 ta’ Diċembru 2026.

Dan ġie spjegat fi stqarrija maħruġa mid-deputati tal-PN Stanley Zammit u Julie Zahra.

Il-fatt li l-UNESCO qiegħed jikkundanna nuqqas ta’ kontroll fuq l-għoli tal-bini, il-pressjoni żejda mit-turiżmu u n-nuqqas ta’ buffer zone effettiv madwar il-Belt, huwa konferma oħra ta’ Gvern li:

·            qed jimxi bla pjan serju għall-ġestjoni tal-wirt nazzjonali;

·            qed jippreferi l-interessi ta’ ftit negozjanti fuq il-ġid komuni u l-komunità Beltija;

·            qed jitlef l-fiduċja tan-nies u istituzzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO.

Il-każ tal-Evans Building jikkonferma din l-attitudni tal-Gvern Laburista li qed jinjora s-sejħa tar-residenti biex il-binja tintuża għal skopijiet soċjali u kulturali. Jikkonferma wkoll in-nuqqas serju ta’ trasparenza u konsultazzjoni pubblika min-naħa tal-Gvern.

Din l-istess attitudni ta’ nuqqas ta’ rispett lejn il-wirt nazzjonali u dinji mill-Gvern Laburista deheret ukoll fil-mod kif ġew trattati s-siti ta’ importanza nazzjonali bħat-Tempji tal-Ġgantija, f’Għajn Tuffieħa, u issa fil-Belt Valletta.

Bħalma l-Partit Nazzjonalista kien ċar fuq il-Ġgantija biex sit protett tal-UNESCO ma jkunx assedjat minn żviluppi li jbaxxu l-valur u s-sens tiegħu, issa jappella wkoll lill-Gvern biex jieħu dan ir-rapport bl-akbar serjetà.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm bżonn bidla urġenti u mill-għeruq fil-mod kif il-Gvern jittratta dak kollu li jagħmilna min aħna:

·            Reviżjoni immedjata tal-Pjani Lokali biex jiġu eliminati l-interpretazzjonijiet ħżiena tal-għoli tal-bini, jiġu definiti buffer zones ċari u biex dawn ikunu jirriflettu viżjoni strategika għall-Belt Valletta u ż-żoni ta’ madwarha;

·            Implementazzjoni olistika tar-rakkomandazzjonijiet tal-UNESCO, inkluż il-politika dwar l-iskyline;

·            Trasparenza assoluta fil-konċessjonijiet ta’ artijiet pubbliċi, b’konformità mal-prinċipji ta’ governanza tajba;

·            Twaqqif, reviżjoni jew sospensjoni ta’ konċessjonijiet sakemm ikun assigurat li ssir konsultazzjoni pubblika u li dawn imxew u qed jimxu mal-obbligi tagħhom;

·            Tfassil ta’ pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-wirt kulturali li jinvolvi l-komunitajiet, l-esperti u l-istakeholders kollha.

Il-politika ta’ nuqqas ta’ direzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni aggressiva tal-wirt tagħna mill-Gvern Laburista qed tpoġġi fil-periklu l-istatus tal-Belt Valletta bħala Sit ta’ Wirt Dinji.

Il-Partit Nazzjonalista, b’mod konsistenti, qed juri li għandu l-viżjoni u l-kuraġġ li jressaq proposti konkreti, ibbażati fuq il-governanza tajba, l-involviment tan-nies, u l-protezzjoni kulturali ta’ pajjiżna, għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Belt Valletta mhix biss belt imma hija l-qalba ta’ pajjiżna. Jekk ma naġixxux issa, inkunu qed nitilfu parti mill-identità tagħna għal dejjem.