Lokali

Ir-residenti tas-Swatar spiċċaw jgħixu f’kundizzjonijiet insapportabbli

“Inkompetenza fl-aqwa tagħħa”

“Is-Swatar sar dizastru sħiħ”

“Ħassejtni qed nilgħab Pacman mitluf f’labirint.”

Dawn huma biss ftit mill-kummenti tal-Karkarizi li joqgħodu fl-inħawi tas-Swatar .. wara li din iz-zona sfat milquta minn kaos sħiħ ta’ trabijiet bla kordinazzjoni. Dan kawza ta’ xogħlijiet infrastrutturali li qed isiru minn diversi entitajiet tal-Gvern, f’diversi toroq fl-inħawi, li wasslu għal nuqqas ta’ aċċess u frustrazzjoni kbira fost il-familji.

Waħda mit-toroq li tinsab milquta direttament hija Triq ta’ Paris, li bħalissa hija kompletament magħluqa minħabba xogħlijiet li qed isiru mill-Enemalta.

Għalkemm intqal li r-residenti jistgħu jagħmlu użu minn Triq Fonzu Marija Galea biex jaċċessaw din iż-żona mill-parti t’isfel, din ukoll tinsab magħluqa. Dan ħalla lir-residenti kostretti jsuqu f’toroq one-way biex joħorġu mid-dar u jmorru għax-xogħol, u b’hekk jirriskjaw li jkunu involuti f’inċident jew li jaqalgħu multa.

Apparti dan, qed isiru wkoll xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’toroq oħra bħal Triq Olaf Gollcher u Triq Lorenzo Gatt wara li ċediet il-wiċċ tat-triq waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet taħt l-art. Dawn ix-xogħlijiet ġew deskritti bħala ta’ emerġenza, iżda l-impatt tagħhom fuq il-komunità huwa kbir.

Ir-residenti taz-zona ilhom xhur sħaħ jgħixu fit-trabijiet, b’nuqqas ta’ parkeġġ u konfużjoni totali kif wieħed jista’ jasal sad-dar.

Ħafna residenti spiċċaw jiktbu fuq il-midja soċjali, sabiex jesprimu l-frustrazzjoni u r-rabja tagħhom għall-Gvern minħabba s-sitwazzjoni dizastruza li bħalissa qed jgħixu fiha … B’uħud stqarrew li qed jikkunsidraw ibigħu darhom u jitilqu mis-Swatar għal kollox.

Ħafna jqisu li dan kollu huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ kordinazzjoni ċentrali u komunikazzjoni min-naħa tal-Gvern, li ma tax widen … lanqas għall-appelli ripetuti tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, bi Transport Malta spiċċat tfarfar din il-krizi fuq il-Kunsill.

Sal-lum, ma ġie ppreżentat l-ebda pjan komprensiv dwar kif se jiġu indirizzati dawn il-problemi, u r-residenti qed jinsistu li din is-sitwazzjoni ma tistax tkompli sejra hekk. B’oħrajn qalu li se jispiċċaw jinzlu fit-toroq jipprotestaw biex forsi jingħataw widen mill-Ministri u l-Gvern.

Minn naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali qed jagħmel pressjoni diretta fuq l-entitajiet governattivi biex dan il-kaos jiġi indirizzat u jibda proċess ta’ koordinazzjoni effettiv, fejn l-interess tal-komunità jingħata tassew prijorita.