Internazzjonali

Jintlaħaq ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Suweida

Intlaħaq ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-provinċja Sirjana ta’ Suweida wara kważi ġimgħa ta’ ġlied bejn fazzjonijiet Drużi u t-tribujiet tal-Bedwin. Il-presidenza Sirjana ħabbret taskforce speċjali biex terġa’ tinkiseb il-kalma. Dan filwaqt li, sejħet għat-trażżin u wiegħdet li twaqqaf il-vjolenza li thedded is-sigurtà nazzjonali.

Il-waqfien mill-ġlied ġie kkonfermat kmieni s-Sibt mill-mibgħut speċjali tal-Istati Uniti Tom Barrack. Huwa qal kif il-ftehim intlaħaq bejn il-President Sirjan Ahmed al Sharaa u l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, bl-appoġġ tas-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio. Il-ftehim għandu wkoll l-appoġġ tat-Turkija, il-Ġordan, u pajjiżi oħra.

It-tobba fl-isptar Buser al Harir ikkonfermaw kif aktar minn 600 persuna inqatlu, inkluż tarbija.