Lokali

Kappillan ġdid għall-parroċċa tat-Trinità fil-Marsa

L-Arċisqof Charles Scicluna laqa’ n-nomina u qed jafda l-ħidma pastorali tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa f’idejn Patri Pawlu Bugeja OFM Cap bħala l-kappillan ta’ din il-komunità. Mons. Arċisqof jirringrazzja lil Patri Dominic Mangani OFM Cap tal-ħidma tiegħu bħala kappillan ta’ din il-parroċċa għal dawn l-aħħar sitt snin.

Patri Pawlu Bugeja twieled fl-20 ta’ Ġunju 1963. Ingħaqad mal-Aħwa Minuri Kapuċċini fl-1985 u sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-Istitut Nazzjonali Studji Ekkleżjastiċi għar-Reliġjużi Maltin (INSERM) u fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.

Patri Pawlu ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991. Matul is-snin ġie fdat dawn il-ħidmiet: Gwardjan f’diversi kunventi tal-Franġiskani Kapuċċini, Definitur Provinċjali, Direttur tan-Novizzi u Viċi Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġwann. Għal disa’ snin serva wkoll bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Marija Reġina fil-Marsa.

Il-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa tiġbor fiha madwar 3,350 persuna.