Dahlet fit-tieni jum tagħha l-maratona tal-volleyball li qed issir b’risq id-Dar tal-Providenza hekk kif fis-6.30pm tal-Gimgħa bdiet l-isfida ta’ 53 siegħa logħob bla waqfien.
Matul 15-il edizzjoni ta’ din il-maratona, illi tibqa’ sejra sal-Ħadd f’nofsillejl, minbarra l-40 plejer protagonisti…qed jagħtu sehemhom ukoll madwar 200 voluntier.
Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, spjega li l-preparamenti għal din il-maratona li issa saret appuntament anwali ta’ sport, solidarjeta u ġenerozita jieħdu diversi xhur, u huwa essenzjali għal din l-organizzazzjoni sabiex tkun tista’ tkompli tagħti s‑servizzi residenzjali li toffri lil 115‑il persuna.
Fr Martin qal ukoll li d‑Dar tal-Providenza tinsab fil‑proċess li tiftaħ aktar djar fil‑komunità – propju fis-sena li fiha qed jitfakkar is-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Fr Martin Micallef qal li apparti l-element sportiv, il-maratona toffri wkoll spettaklu għall-familja kollha, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għal din l‑attività u jagħtu s-sapport lill‑players li b’tant dedikazzjoni u impenn daħlu għal din l‑isfida.
Min-naħa tagħha, f’diskors qasir li għamlet fil-ftuħ tal-maratona, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono fissret lid-Dar tal-Providenza bħala pijuniera tal-nklużjoni f’Malta, u qalet li l-poplu Malti u Għawdxi hu konxju u grat għall-ħidma sfieqa li twettaq din id-Dar b’risq ir-residenti u l-familji tagħhom.
Il-President Myriam Spiteri Debono enfasizzat il-ħtieġa li l-poplu Malti jkompli jifhem id-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom il‑persuni b’diżabilità u l‑qraba tagħhom, waqt li appellat għall‑ġenerożità tal‑Maltin u l‑Għawdxin biex id‑Dar tal‑Providenza tkun tista’ tibqa’ toffri għajnuna u ħajja dinjituża lil dawn il‑persuni, u tkun ta’ solljiev għall‑familjari tagħhom.