Lokali

Żvelat kif persuna qrib ħafna ta’ Robert Abela qed idaħħal fil-but mal-€11,000 fix-xahar

L-avukat li kien jaħdem fl-uffiċċju ta’ Robert Abela u martu Lydia qed idaħħal f’butu mal-€11,000 fix-xahar grazzi għal kuntratti ta’ konsulenzi u pożizzjonijiet li ingħata mal-Gvern. Dan ġie żvelat fl-aħħar jiem minn The Shift News.

Il-persuna fiċ-ċentru ta’ din is-saga mhu ħadd ħlief Ryan Pace; avukat żagħżugħ ta’ 31 sena li għandu l-kapaċità jagħmel 12-il xogħol mal-Gvern – pożizzjonijiet li qed jiġġeneraw dħul ta’ kważi €130,000 fis-sena.

Skont The Shift, Ryan Pace qed idaħħal €21,000 bħala Chairperson tal-Malta Gaming Authority, €2,700 bħala Direttur tal-Gozo Heliport, €5,800 bħala Direttur tal-Malta Government Investments, €5,800 bħala Direttur tal-Malta Investments Company Limited, €24,000 bħala konsulent fl-MTA, €18,000 bħala konsulent għall-Aġenzija Support, €18,000 oħra bħala konsulent għal Festivals Malta u €33,600 għal job li ingħata mal-Ministeru tat-Turiżmu.

Mhux magħruf eżatt kif dan il-ħabib ta’ Robert Abela jagħmel dawn il-jobs kollha f’daqqa.

Magħhom, wieħed irid iżid il-jobs li għandu mal-Arms, mal-Kummissjoni tal-Films, mal-Engineering Resources, u mal-Offshore Bunkering. F’dawn il-każi, mhux magħruf kemm huma l-flus li qed idaħħal fil-but.