Hu fatt li l-kampanja akkwisti ta’ Valletta Football Club għalkemm s’issa kienet waħda attiva mhux ftit, u ssorprendew lil bosta b’akkwisti interessanti u ta’ isem, għadha mhux kompluta. L-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Thane Micallef jonqoshom attakkant, li l-istil tal-logħba tiegħu hi li kapaċi jiskorja ammont konsiderevoli ta’ gowls aktar u jkun il-punt ta’ referenza fl-attakk.
Il-Beltin qed ifittxu plejer bħal ma kien ir-Rumen Andrei Ciolacu l-istaġun li għadda, fejn kien l-aqwa skorer tat-tim fiċ-Challenge League. Għalkemm Ciolacu għadu parti mit-tim Belti, l-istaff tekniku ta’ Valletta qed ifittxu li jikkonsolidaw dan id-dipartiment offensiv b’aktar plejers ta’ kwalitá u li jistgħu jagħtu aktar għażla lit-tim.
Net News huma infurmat li preżentament il-klabb Belti qed jiffoka fuq li jintgħażel il-plejer idejali li għandu l-abiltá li jaqdi r-rwol ta’ attakkant, b’karatteristiċi li jkollu x-xamma għall-gowls u li jikumplimenta b’mod tajjeb mal-akkwisti li diġa’ saru dan l-istaġun u l-plejers li diġa’ għandu t-tim.
Hu mifhum li fil-jiem li għaddew Valletta kienu viċin ħafna li jiffirmaw plejer mill-Afrika, b’profil mill-aktar interessanti iżda fil-mument li n-negozjati bejn it-tnejn kienu konklużi u kien hemm qbil dwar il-kuntratt tal-plejer ma’ Valletta, l-attakkant Afrikan dawwar id-deċiżjoni minħabba raġunijiet familjari.
Minħabba f’hekk Valletta reġgħu bdew jikkonsidraw għażliet oħra, konxji mil-fatt li ż-żmien hu kontra tagħhom. Il-bieraħ fit-tieni logħba tat-turnament tal-Mosta, Valletta tilfu 2-1 kontra Sliema Wanderers, u filwaqt li l-prestazzjoni tal-Beltin kienet waħda aħjar minn dik ta’ kontra Żabbar St. Patrick, fejn fl-ewwel logħba ta’ dan it-turnament tilfu 2-0, il-bieraħ wieħed setgħa jinnota li l-akkwisti l-ġodda qed iħossuhom aktar parti mill-bqija tal-iskwadra u kulħadd qed jidra s-sistema teknika u tattika tal-kowċ Micallef.
Fost il-plejers li għamel użu minnhom kowċ Micallef fil-partita tal-bieraħ, kien hemm isem ġdid, li sal-lum għadu mhux plejer ta’ Valletta. Mal-ewwel ħdax kontra Sliema Wanderers, fl-attakk, Valletta taw spazju lill-internazzjonali mill-Ġamajka, Michael Seaton li wasal fil-jiem li għaddew għal jiem ta’ prova ma’ Valletta.
Seaton hu plejer b’CV interessanti. Hu attakkant li għandu 29 sena, un lagħab 14-il darba mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. Madankollu Seaton ilu għal dawn l-aħħar għaxar snin ma jkun mgħajjat mal-Ġamajka. Hu kien qed jilgħab l-aħħar fir-raba’ diviżjoni tal-Ġermanja ma’ SV Rödinghausen fejn f’22 partita li lagħab tul il-Kampjonat, Seaton skorja disa’ gowls.
L-istatistika turi li f’dawn l-aħħar snin, kull staġun, Seaton dejjem skorja ammont konsiderevoli ta’ gowls u l-aħħar li lagħab kien f’April ta’ din is-sena. L-aħjar ta’ Seaton f’dawn l-aħħar snin kien fil-USL Championship tal-Istati Uniti, li jiġi livell wieħed inqas mill-Major League Soccer.
F’dan il-Kampjoant hu kien plejer ta’ Orange County SC u fiż-żmien li għamel jilgħab magħhonm, Seaton lagħab viċin is-70 logħba u skorja qrib it-30 gowl.
Sorsi viċin il-klabb ta’ Valletta u li tkelmu ma’ Net News, qalulna li għadu kmieni biex wieħed jikkumenta dwar x’deċiżjoni se tkun qed tittieħed dwar dan il-plejer, filwaqt li t-tim tekniku mhux qed iserraħ fuq il-possibiltá li jakkwistaw neċċessarjament lil Seaton iżda qed iħarsu lejn alternattivi oħra ta’ plejers li jistgħu jkunu utli għat-tip ta’ karratteristiċi li qed isibu.
