Il-militar Iżraeljan ħareġ direttivi ġodda għall-evakwazzjoni tal-Palestinjani minn zona ffullata bin-nies fiċ-ċentru ta’ Gaza.
Dan fost tmiem il-ġimgħa ieħor imdemmi wara li l-militar fetaħ in-nar fuq aktar ċivili Palestinjani li kienu qed jistennew viċin iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-ikel.
Intant, il-Palestinjani, issa, qed ikunu sfurzati li jitilqu minn zona li, għalissa, ma spiċċatx mira għall-offensiva tal-qawwiet Iżraeljani…Qawwiet li ilhom jiġġieldu gwerra kontra t-terroristi tal-Ħamas għal dawn l-aħħar 21 xahar.
Fl-aħħar sigħat, l-uffiċjali militari ta’ Iżrael qalu li r-residenti u r-refuġjati fil-belt ta’ Deir al-Balah kellhom jitilqu immedjatament mill-inħawi u jaqbdu rotta lejn al-Mawasi, viċin il-kosta ta’ Gaza mal-Mediterran.
Id-direttivi qed jitqiesu bħala preludju għal attakk imminenti fuq Deir al-Balah u l-madwar, bis-sitwazzjoni toħloq paniku kbir fost l-għexieren tal-eluf tal-Palestinjani.
Dan ukoll meta l-familji tal-ostaġġi Iżraeljani li għadhom miżmuma mill-Ħamas qegħdin jinkwetaw li l-għeżież tagħhom jistgħu qegħdin f’dik il-belt partikulari – u meta huma wkoll kapaċi jispiċċaw vittma tal-azzjonijiet militari.
Hemm anki indikazzonijiet li l-qawwiet Iżraeljani, għall-ewwel darba, qed iħejju biex jibgħatu l-battaljuni tat-truppi fl-inħawi, fost l-eqqel tal-evakwazzjoni mid-diversi distretti ta’ Deir al-Balah.
Fl-istess ħin, Iżrael qal li se jagħmel minn kollox biex jeqred il-kapaċitajiet militari tal-Ħamas flimkien mal-infrastruttura tat-terroristi fl-inħawi indikati. Il-kelliema sostnew ukoll li ‘ma jafux x’jistgħu jsibu fil-qalba ta’ Deir al-Balah’.
In-neighbourhoods ta’ Deir al-Balah huma ffullati bir-refuġjati residenti fl-ibliet tat-tined.
U s-sorsi indipendenti qed jgħidu li l-uniku raġuni għalfejn l-Iżraeljani ma attakkawx lil dawn in-neighbourhoods hi dovuta għall-possibbiltà li l-Ħamas jistgħu qed iżommu lill-ostaġġi fl-inħawi speċifiċi u fejn jistgħu jintlaqtu mill-isparar.
Dan meta l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, jinsab taħt pressjoni kbira biex jeħles lill-aħħar ostaġġi li għadhom ħajjin u li ilhom kważi sentejn fi stat ta’ priġunerija.
//= $special ?>