Internazzjonali

Il-Ġappun: Disfatta kbira għall-koalizzjoni ta’ Shigeru Ishiba

Japan's new Prime Minister Shigeru Ishiba speaks during a press conference at the prime minister's office in Tokyo, Japan October 1, 2024. YUICHI YAMAZAKI/Pool via REUTERS

 

Il-koalizzjoni li mexxiet lill-Ġappun għall-aħħar xhur tilfet il-maġġoranza fl-ogħla kamra tal-Parlament f’Tokjo…Dan wara riżultat elettorali mill-aktar diżastruż għall-Prim Ministru Ġappuniż Shigeru Ishiba.

Il-Partit Liberali Demokratiku – jew LDP – ta’ Ishiba u l-partit sieħeb Komeito rebħu 41 fost il-125 siġġu fl-Assemblea u meta dan hu anqas mill-50 siġġu meħtieġa għal maġġoranza.

Mill-banda l-oħra, il-partit populista Sanseito qed jidher li għamel il-kisbiet sinifikanti, bir-riżultat tal-elezzjoni x’aktarx li għandu jixpruna perjodu ta’ instabbilità politika fil-Ġappun li hu r-raba’ l-akbar ekonomija fid-dinja.

Filwaqt li r-riżultat ma jiddeterminax direttament jekk jaqax il-Gvern fraġli ta’ Ishiba, ftit hemm dubju li l-pressjoni għall-Prim Ministru żdiedet sew wara li hu, f’Ottubru, kien anki tilef il-kontroll tal-kamra t’isfel tal-Parlament Ġappuniż.

Id-disfatta hi l-akbar fi ħmistax il-sena għall-LDP li mexxa lill-Ġappun għall-maġġoranza tas-snin wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra, fl-1945.

Għaldaqstant, Ishiba, issa, spiċċa vulnerabbli għall-mozzjonijiet ta’ sfiduċja li kapaċi jwaqqgħu lill-Gvern preżenti minbarra li jwasslu għal elezzjonijiet ġenerali ġodda fil-Ġappun.