Lokali

Il-Ministri jibqgħu jaħarbu milli jerfgħu responsabbiltà b’rabta mal-impjieg ta’ Kurt Buhagiar

Il-Ministri ta’ Robert Abela qed jibqgħu jaħarbu milli jġorru responsabbiltà b’rabta mal-impjieg ta’ Kurt Buhagiar.

Fl-aħħar ġimgħat ġie żvelat kif Kurt Buhagiar – wieħed mill-ħames persuni akkużati bl-omiċidju involotarju ta’ Jean Paul Sofia – reġa’ ingħata job mal-Lands Authority.

Kien għalhekk illi NetNews staqsa lill-Ministri ta’ Robert Abela dwar dan l-impjieg li ngħata, lil persuna li tinsab akkużata fil-Qorti kriminali b’omiċidju involontarju taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia – li tilef ħajtu traġikament f’kollass ta’ binja f’Kordin f’Diċembri tal-2022.

Bil-Ministru ta’ Abela jaħarbu totalment milli jġorru xi forma ta’ responsabbiltà b’rabta ma’ dan l-impjieg.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, kienet Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia illi permezz ta’ post fuq il-midja soċjali tagħha spjegat kif Kurt Buhagiar – wieħed mill-ħames persuni akkużati bil-qtil ta’ binha – ingħata job mal-Lands Authority.

Bil-Prim Ministru Robert Abela jikkonferma li Kurt Buhagiar reġa’ ddaħħal fil-post tax-xogħol tiegħu wara deċiżjoni amministrattiva.

Fil-jiem ta’ wara din l-aħbar, rapporti lokali żvelaw kif kien propju dan il-job illi wassal għaċ-ċaqlieq tal-Lands minn taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.

Kien żvelat illi Zrinzo Azzopardi irrifjuta li jdaħħal lil Buhagiar fil-Lands wara l-akkuzi serji li qed jaffaċċja fil-Qorti, b’Robert Abela jagħżel li jgħaddi minn fuq Zrinzo Azzopardi, ineħħilu r-responsabbiltà tal-Lands u jerġa’ jagħti job lil Kurt Buhagiar. Bi Zrinzo Azzopardi jiddikjara – permezz ta’ post fuq il-midja soċjali tiegħu, li hu qatt ma ta’ l-permess jew approva dan l-impjieg.

Kurt Buhagiar huwa wieħed mill-ħames persuni akkużati b’omċidju involontarju ta’ Jean Paul Sofia. Huwa kien wieħed miż-żewġ żviluppaturi tas-sit tal-kostruzzjoni.

U minkejja li għadu qed jaffaċċja l-akkużi serji, Robert Abela iddeċieda li jerġa’ jtih xogħol mal-Lands Authority.

Bil-Ministri ta’ Abela, jagħżlu li ma jaħarbu kompletament milli jerfgħu responsabbiltà b’rabta ma’ dawn l-iżviluppi.