Internazzjonali

Imutu 37 ruħ wara li għerqet dagħjsa tat-turisti fil-Vietnam

Mas-37 ruħ sfaw mejta fil-Vietnam wara li għerqet dagħjsa tat-turisti fil-Bajja ta’ Ha Long, bajja popolarissima mat-turisti li jżuru dan il-pajjiż Asjatiku.

Intant mir-rapporti internazzjonali jidher li l-maġġoranza tal-mejta, ċioe dawk li għerqu mad-dagħjsa, huma Vjetnamiżi iżda l-bqija huma turisti li kienu qiegħdin fuq btala, bl-identità tagħhom għadha trid tiġi kkonfermata. Tmienja mill-vittmi huma tfal.

Sorsi minn fuq il-post tal-inċident saħqu li t-temp kien wieħed stabbli iżda għal ħabta tas-2:00pm qabdet nieżla x-xita f’ammonti kbar b’riżultat li d-dagħjsa tat-turisti bdiet tintela’ bl-ilma – fost baħar imqalleb li kompla jgħarraq l-istess dagħjsa.

Apparti min hekk saru wkoll ħsarat estensivi wara xita ta’ silġ kbir li anke laqat partijiet essenzjali mill-magni tad-daghjsa.

Intant il-Prim Ministru tal-Vietnamm stqarr li jinsab sorpriż u ddispjaċut immens wara din it-traċedja – u wiegħed investigazzjoni bir-reqqa dwar x’verament wassal għal din l-għarqa li qatlet mas-37 ruħ. Anke wara allegazzjonijiet li d-dagħjsa ma kinietx atrezzata kif suppost skont ir-regolamenti marittimi tal-pajjiż u kif ukoll li kien hemm żżejjed nies abbord.

S’issa jihder li kien hemm 57 persuna abbord waqt il-ħin tal-inċident – b’37, s’issa ġew kkonfermati mejta. Madanakollu mhux il-persuni kollha ġew identifikati.