It-temperaturi estremi fl-Ewropa qed ikomplu jaħkmu numru ta’ pajjiżi – bit-temperaturi għoljin jilħqu wkoll lill-pajjiżna.
Fil-jiem li ġejjin, il-Gżejjer Maltin se jkunu qed jaqbżu l-40 grad celcius fl-isfond ta’ mewġa tas-sħana li qed jesperjenza n-Nofsinhar tal-Ewropa u li mistennija taħkem lill-pajjiżna tul il-ġimgħa li ġejja.
Fil-fatt skont it-tbassir tal-Uffiċċju Meterjoloġiku fis-sebat ijiem li ġejjin l-ogħla temperatura kapaċi anke tilħaq t-42 gradi Celsius, fid-dell. Bit-temperatura tinħass aktar fix-xemx anke meta wieħed jikkunsidra elementi oħra bħar-riħ u l-umdità.
Sa nhar il-Ħadd, it-temperatura se tinħass 42 gradi Celsius, filwaqt li mit-Tnejn sal-Erbgħa se tinħass li hi 43 gradi Celsius.
Intant l-inqas temperatura – li se tkun irreġistrata fil-jum tal-Ġimgħa se tkun dik ta’ 35 grad celcius.
It-temp xemxi u sħun ta’ bħalissa se jkun rifless ukoll fl-indiċi tar-raġġi UV, li attwalment qed ikejjel 11, iżda mit-Tnejn li ġej mistenni li jkun 12.
Kien propju għalhekk illi f’pajjiżna inħarġu wkoll direttivi tas-saħħa sabiex wieħed jevita li jkun barra mill-11am sal-4pm, speċjalment dawk vulnerrabli bħall-anzjani, nies b’kundizzjonijiet varji u anke dawk li preżentament qed jieħdu xi forma ta’ terapija.
Dan fost appelli kontinwi sabiex wieħed jżomm ruħu f’żoni b’arja kkundizzjonata jew dell u anke li jixrob ammonti sostanzjali ta’ ilma, sabiex jiġu evitati sintomi relatati mas-sħana.
//= $special ?>