It-timijiet Nazzjonali tal-Beach Handball għadhom kif irritornaw Malta wara ġimgħat intensivi ta’ kompetizzjoni internazzjonali. Din il-parteċipazzjoni timmarka pass ieħor importanti fl-istrateġija fit-tul tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball biex tiżviluppa u ssaħħaħ l-isport f’Malta.
Din l-attivita bdiet bil-parteċipazzjoni fiċ-Calise Cup – li saret ġewwa l-Italja, fejn ħadu sehem kemm it-timijiet tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, u laħqet il-qofol tagħha bid-debutt storiku tat-tim tal-irġiel fil-Beach Handball EURO 2025 li sar f’Alanya, it-Turkija.
Fl-EURO 2025 Malta kisbet draw diffiċli meta fi Grupp A kellha taffaċċja lil xi wħud mill-aktar timijiet b’saħħithom fl-Ewropa — il-Kroazja, rebbieħa l-kampjonat tad-dinja is-sena l-oħra u l-kampjonat Ewropew għal erba’ darbiet; id-Danimarka, darbtejn champions tal-Ewropa u rebbieħa tal-bronż fl-2023; u l-Polonja, magħrufa għall-esperjenza estensiva tagħha.
Il-partita tal-ftuħ kontra d-Danimarka rat lil Malta tagħti wirja determinata, speċjalment fl-ewwel set, iżda l-esperjenza tad-Daniżi rathom jieħdu r-rebħa. Logħba diffiċli ħafna kontra l-Kroazja segwiet, fejn dawn wrew għal darb’oħra l-klassi tagħhom. Kontra l-Polonja, Malta wriet il-potenzjal tagħha — fejn kellha distakk b’żewġ gowls fit-tmien minuta tat-tieni set, u kienet biss azzjoni waħda ‘l bogħod milli tkabbar il-vantaġġ. Sfortunatament, opportunità mitlufa kienet biżżejjed biex il-Polonja ddawwar ir-riżultat favur tagħha.
Fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni, Malta lagħbet kontra ċ-Czechia, il-Bulgarija u l-Ukrajna. Il-logħba kontra l-Bulgarija kienet partikolarment inkoraġġanti, b’Malta viċin li tikseb l-aħjar riżultat tagħha fil-kampjonat, iżda l-esperjenza tal-avversarji kienet akbar. Fil-logħba finali kontra l-Ukrajna, il-livell tal-logħob ta’ Malta tjieb, iżda s-superjorita fiżika tat-tim Ukren irriżulta f’rebħa għat-tim Ukren.
Waqt l-EURO 2025 Malta spiċċat fit-tielet post fil-klassifika tal-Fair Play, li turi l-ispirtu sportiv u l-attitudni pożittiva tat-tim.
Tim Malta – Beach Handball EURO 2025 (Alanya):
Mauro Camilleri Darmanin, Adhamh Matthew Hackett, Thomas Victor Hackett, Liam Harrison, Christian Richard McClean (Captain), Alan Michael Portelli, Jeremy John Scicluna, Ryan Sciortino, Jacques Samuel Seifert, Benjamin Joseph Spiteri, Matthew Spiteri (l-Aqwa Skorer – 50 gowls), Daniel Tanti Farrugia.
Bħala preparazzjoni għall-EUROs, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball għażlet b’mod strateġiku li tipparteċipa fiċ-Calise Cup bħala tournament ta’ taħriġ għat-tim tal-irġiel. Dan mhux biss ta’ opportunita ta’parteċipazzjoni internazzjonali iżda serva wkoll biex jiġi ttestjat il-mudell tal-logħob żviluppat matul l-istaġun tat-taħriġ.
B’mod sinifikanti, iċ-Calise Cup kienet ukoll l-ewwel parteċipazzjoni tat-Tim Nazzjonali tan-Nisa f’kompetizzjoni internazzjonali tal-beach handball — pass ieħor importanti fil-viżjoni usa’ tal-Assoċjazzjoni biex jtejjeb il-livell ta’ dan l-isport għal kemm irġiel kif ukoll nisa.
“Il-parteċipazzjoni tagħna f’dawn it-tournaments hija parti minn pjan fit-tul biex niżviluppaw il-handball f’Malta,” qal il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball, Daniel Tabone. “L-għan mhuwiex li niksbu riżultati immedjati iżda li niksbu l-esperjenza internazzjonali meħtieġa, nirrfinaw il-mudell tal-logħba tagħna, u nibnu timijiet kompetittivi għall-futur. Bil-ftit opportunitajiet li għandna biex nikkompetu internazzjonalment, dawn l-avvenimenti huma ta’ valur kbir lejn l-iżvilupp tal-plejers tagħna u biex nevalwaw fejn wasalna sa’issa.”
Tim tal-Irġiel – Calise Cup:
Mauro Camilleri Darmanin, Nico Gambin, Adhamh Hackett, Alan Portelli, Jeremy Scicluna, Jacques Seifert, Ryan Sciortino, Benjamin Spiteri, Matthew Spiteri, Daniel Tanti Farrugia.
Tim Nazzjonali tan-Nisa – Calise Cup:
Daryl Azzopardi, Rebecca Bonello, Stephanie Brincat, Raquelle Ciantar, Nicole Ellul, Brenda Mamo, Kimberley Mifsud, Erica Mizzi, Elizabeth Schiavone, Ilenia Xuereb.
It-tim tan-nisa ta’ Malta għamel debutt memorabbli, b’tliet rebħiet kontra oppożizzjoni b’saħħitha mill-Ungerija, l-Olanda, il-Polonja u l-Italja, u temmew fil-ħames post.
Il-parteċipazzjoni internazzjonali tat-Tim Malta saret possibbli bis-sostenn tal-Kumitat Olimpiku Malti. L-Assoċjazzjoni qed taħdem mill-qrib mal-Kumitat Olimpiku Malti sabiex tiżviluppa il-beach handball.

Matthew Spiteri, l-aqwa skorer
//= $special ?>