Futbol Sport

Klabb mill-ogħla diviżjoni tas-Serbja interessati f’Paul Mbong

(Ritratt: Joseph Galea)

Klabb tas-Super liga Srbije, iġifieri l-ogħla diviżjoni tal-futbol domestiku tal-pajjiiż Ewropew li jinsab Punent Ċentrali fil-Balkani, jidher li jinsab qrib ferm li jikseb il-firma tal-internazzjonali Malti, Paul Mbong.

Il-kuntratt ta’ Mbong ma’ Birkirkara skada, u fil-veritá m’hemm l-ebda relazzjoni tajba bejn it-tnejn. Dan ifisser li m’hemm l-ebda diskussjonijiet jew probabiltá li Mbong jista’ jestendi l-kuntratt tiegħu mal-Istripes.

Għaldaqstant fl-istaġun il-ġdid, 2025/26, Mbong mistenni jkollu esperjenza ġdida ma’ klabb ieħor li m’huwiex Birkirkara F.C., b’ċans tajjeb ukoll li l-winger offensiv li jagħlaq 24 sena, f’Settembru li ġej, jista’ jkompli l-karriera tiegħu f’Kampjonati barrani.

Sorsi li tkelmu ma’ Net News, u li bħal dejjem xtaqu jibqgħu anonimi, qalulna li dan il-klabb mis-Serbja, li għalissa m’aħnix se niżvelaw dettalji dwaru, ilu jsegwi lil Mbong u n-negożjqti bejn it-tnejn ilhom għaddjin iżda issa jidher li dawn id-diskussjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat u sabiex jiġu konklużi.

Matul l-istaġun li għadu kemm intemm, Mbong, li hu plejer tat-tim nazzjoni Malti, lagħab total ta’ 30 partita fil-Malta Premier League u minn daqstant partiti skorja żewġ gowls.

Il-ħolma u x-xewqa tal-plejer fl-aħħar ġimgħat dejjem kienet li jkompli jilgħab barra minn xtutna għaldaqstant it-tluq tiegħu minn Malta, bit-tama li jkompli l-karriera tiegħu f’Kampjonat barrani aħjar minn dak lokali, tidher li tinsab fil-qrib sabiex iseħħ.