It-Tmexxija Ukrena qed tistenna t-tweġiba konkreta mingħand ir-Russja dwar jekk għandhiex ħsieb li tissieħeb f’rawnd ġdid ta’ taħditiet għall-paċi.
Dan wara l-inizjattiva, fi tmiem il-ġimgħa, tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky,li ħareġ bil-proposta biex pajjiżu u Moska jkomplu bin-negozjati li kienu waqfu matul ix-xahar li għadda.
Rustem Umerov, uffiċjal ewlieni Ukren responsabbli mis-sigurtà, offra li jirrappreżenta pajjiżu fit-taħditiet potenzjali…Dan waqt li Zelensky qal li qed jagħmel minn kollox possibbli biex iwassal għal pawża fit-tul għall-gwerra mar-Russja li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.
Mistenni wkoll li l-Istati Uniti, ‘il quddiem, tikkonferma sensiela ta’ sanzjonijiet punittivi għar-Russja wara li l-President Russu Vladimir Putin baqa’ jinjora l-inizjattivi tal-President Amerikan Donald Trump li wkoll qed jimpenja ruħu biex iwaqqaf il-konflitt fl-artijiet Ukreni.
Sadanittant, l-aktar kumment sinifikattiv ta’ Zelensky hu li jinsab lest, fi kwalunkwe ħin, biex jiltaqa’ wiċċ-imb-wiċċ ma’ Vladimir Putin.
Zelensky qal li laqgħa fuq dan il-livell hi tassew meħtieġa biex il-pajjiżi jaċċertaw il-paċi – madankollu, sal-bieraħ, ma kien hemm l-ebda sinjali li Putin kien lest biex jaċċetta din l-offerta.
L-Ukrajna, fi tmiem il-ġimgħa, ġarrbet assedju ieħor mill-ajru, bil-qawwiet Russi jisparaw il-missili u d-drones lejn diversi bliet prinċipali….Attakki li ssarrfu f’aktar vittmi u midruba fost iċ-ċivili Ukreni.
L-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa konċentraw fuq għaxar reġjuni tal-Ukrajna, bis-sistemi tad-difiżi tal-Ukreni jwaqqgħu ħafna mill-mijiet tad-drones u l-missili cruise li kienu sparati lejn pajjiżhom.
Hemm ukoll l-istennija li l-Istati Uniti, fil-jiem li ġejjin, tibgħat l-armamenti sofistikati għad-difiża tal-Ukrajna u li għandhom jaslu lill-Ukreni permezz ta’ xi pajjiżi tan-NATO.
Trump qed jhedded ukoll it-tariffi ‘storiċi’ għar-Russja f’każ li l-Kremlin ma jaqbilx li jtemm din il-gwerra sa anqas minn 40 jum oħra.
L-aħħar żewġ rawnds ta’ taħditiet (f’Istanbul) bejn ir-rappreżentanti tal-Ukrajna u r-Russja ma produċew l-ebda riżultati – wisq anqas xi progress lejn ftehim għall-waqfien mill-ġlied.
Madankollu, in-naħat qablu dwar l-iskambju ta’ mijiet tal-priġunieri, fost l-impenji biex il-pajjiżi ‘jirritornaw il-mejtin ta’ xulxin’.
Ir-rawnd tat-taħditiet li ntemm fl-ewwel jiem ta’ Ġunju kien spikka għaċ-‘ċaħda assoluta’ tar-Russja fir-rigward ta’ waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet.
Dan bi sfida għad-domandi regolari tal-Ukrajna, l-Istati Uniti u l-alleati ta’ Zelensky fl-Ewropa.
//= $special ?>