Lokali

Robert Abela jkompli jinjora r-realtajiet ta’ pajjiżna

Bajjiet ikkontaminati, traffiku u kaos f’numru ta’ lokalitajiet turistiċi.

Hija din is-sitwazzjoni ta’ pajjżna fl-eqqel xhur tas-Sajf..fix-xhur li pajjiżna jara miljuni ta’ persuni li jiġu jipprovaw igawdu is-sbuħija ta’ pajjiżna – iżda jsibu kaos u diffikultajiet kbar.

Fl-eqqel tas-sajf Malti, bajjiet li huma fost l-isbaħ fil-Mediterran inbidlu f’bajjiet ikkontaminati bid-drenaġġ.

Iżda surrealment il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li sar investiment ta’ mitt miljun ewro fl-infrastruttura tad-drenaġġ u ilma filwaqt li injora totalment in-numru ta’ bajjiet li sfaw ikkontaminati fl-ewwel jiem tas-sajf.

F’intervista ta’ siegħa u kwart, Robert Abela tkellem dwar il-valur tat-turist li qed jipprova jattira lejn pajjiżna. Fejn huwa ddikjara li qed jimmira li jattira turisti ta’ kwalità – mingħajr ma ndirizza d-diffikultajiet tan-nies, negozji u sidien ta’ lukandi fil-lokalitajiet li jaraw l-akbar influss ta’ turisti.

Huma bosta l-filmati li qed jiċċirkolaw online, li juru l-kaos assolut li ħakem numru ta’ lokalitajiet f’pajjiżna – fosthom is-Swieqi.

Bil-filmati jixħtu d-dawl fuq id-diffikultajiet tar-residenti li qed jesperjenzaw storbju esaġerat matul il-lejl, persuni li jwettqu atti indiċenti fil-gallariji u t-toroq, mużika li ma’ taqta’ qatt, ġlied u kaos fit-toroq fost l-oħrajn.

Bil-Prim Ministru ta’ pajjiżna jagħżel li jinjora totalment dawn id-diffikultajiet li saru realtà ta’ kuljum ta’ dawn ir-residenti u n-negozji. Fil-fatt, kienet anke l-Assoċazzjoni tar-Ristoranti u l-Lukandi illi tkellmet fuq kif in-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern f’dawn il-lokalitajiet qed jirriżulta f’piż enormi fuq in-negozji tal-madwar.

Intant, f’din l-intervista Robert Abela baqa’ jiddefendi l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Iżda fl-istess nifs spjega kif l-Qorti Ewropea ddikjarat li l-bejgħ kien illegali u kontra l-liġi Ewropea.

Bil-Prim Ministru jkompli bir-retorika tiegħu kontra l-Partit Nazzjonalista fejn saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra t-tibdiliet li l-Gvern tiegħu ressaq, wara li kien propju l-Partit Nazzjonalista li mill-bidu nett tal-introduzzjoni ta’ din l-iskema li appella sabiex il-proċess ta’ akkwist ta’ ċittadinanza Maltija tkun waħda ta’ naturalizazzjoni u mhux ta’ transizzjoni kummerċjali.

F’din l-intervista Robert Abela tkellem ukoll fuq is-settur tas-saħħa fejn ftaħar bl-investiment li qed jagħmel il-Gvern tal-Labour; investiment li xorta qed iħalli emerġenza iffullata u l-Isptar Monte Carmeli fi kriżi fost l-oħrajn.

Hekk kif prova jagħti x’jifhem illi l-Labour Migration Policy se tkun qed tindirizza l-kriżijiet kollha li nħolqu bl-isplużjoni tal-popolazzjoni f’pajjiżna.