Matul il-jiem tas-Sibt u l-Ħadd numru sabiħ ta’ Maltin niżlu sax-xatt tal-Imsida sabiex igawdu u ftit minnhom anke jipparteċipaw f’waħda mit-tradizzjonijiet sbieħ tagħna l-Maltin – il-ġostra.
Bosta kienu dawk li daħlu għall-isfida b’ruħhom u ġisimhom sabiex jipprovaw jaqbdu waħda mit-tlett bnadar f’tarf l-arblu, li jiġi midluk bix-xaħam.
Il-ġostra tmur lura għas-snin 1800, bil-ġostra fl-Imsida seħħet l-ewwel darba propju fl-1892. Tradizzjoni li tirrikjedi l-parteċipanti jiġru fuq arblu tal-injam li jkollu tul ta’ 50 pied, midluk bix-xaħam.
L-attività fl-Imsida tkun fuq medda ta’ jumejn, fi tmiem il-ġimgħa propju fil-ġimgħa li r-raħal tal-Imsida jiċċelebra l-patrun tiegħu San Ġużepp.

Bosta huma dawk il-voluntiera li għandhom ħafna għal qalbhom il-ġostra. Fost dawn il-voluntiera hemm Duncon Muscat li minn ta’ eta żgħira kien jagħmel parti integrali minn din it-tradizzjoni.
Ir-rebbieħa li jirnexxielhom jaqbdu waħda mill-bnadar jiġu mogħtija tazza.
Il-ġostra hija tradizzjoni mill-aktar interessanti u huwa importanti li wieħed jipparteċipa sabiex tradizzjoni bħal din tibqa’ ħajja. Din hija logħba li tintlgħab fis-sajf, f’diversi festi madwar Malta u Għawdex ta’ dawk il-villaġġi qrib il-baħar fosthom San Ġiljan, x-Xlendi fost l-oħrajn.
Il-parteċipanti tant għandhom għal qalbhom din it-tradizzjoni Maltija, li Deseri Monsigneur, waħda mill-voluntiera spjegat ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li meta kienet tgħix barra minn pajjiżna kienet tirritorna f’pajjiżna sabiex tkun preżenti għal dan l-avveniment annwali.
Preżenti għal din l-attività kienu numru ta’ kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-lokalità tal-Msida.
//= $special ?>