Żagħżugħ ta’ 27 sena minn Bormla nstab ħati li seraq oġġetti sagri mill-Knisja Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla. Każ li seħħ lura bejn il-lejl tal-21 u t-22 ta’ Lulju fl-2017.
Gianluca Sultana flimkien ma’ Marlene Cricchiola, it-tnjen minn Bormla, kienu tressqu l-qorti b’rabta mas-serqa msemmija.
Kien propju s-sangristan Salvu Attard, li f’dik l-għodwa informa lil Kappillan ta’ Bormla, l-Arċipriet Anton Cassar, bis-serqa u sar rapport lill-Pulizija.
Is-sangristan li bħas soltu mar fil-Knisja – sab xena xejn tas-soltu. It-Tabernaklu sabu mal-art, pissidi neqsin u diversi oġġetti mċaqalqin. Attard sab ukoll ħabel imdendel mit-tieqa tal-kor, tieqa li għalkemm kienet magħluqa inizjalment ma kienetx imsakkra.
Mill-investigazzjonijiet li saru, evidentament jidher li kienu nsterqu żewġ pissidi u tliet kalċi, żewġ vażetti, ċiborju, ostensorju, asperges u labra bil-brillantini stmata €20,000 propjetà tal-Knisja.
Kienu diversi dawk li telgħu l-qorti u taw x-xhieda tagħhom u fl-1 ta’ Lulju li għadda Sultana ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa kif ukoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u li kiser sentenzi tal-Qorti.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet lil Gianluca Sultana ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u poġġietu taħt ordni ta’ probation għal 3 snin.
//= $special ?>