Lokali Qorti

Żgħażugħ ta’ 28 sena ħati li kkonsma l-kokaina ma tfajla ta’ tlettax-il sena

Sentejn ħabs għal żagħżugħ ta’ 28 sena hekk kif instab ħati li kkonsma l-kokaina ma’ tfajla li dak iż-żmien kienet minorenni, propju kellha tlettax-il sena.

L-inċident seħħ lura f’Ġunju tal-2016, bit-tfajla tispiċċa l-isptar Mater Dei kaġun ta’ overdose.

Ayrton Bugeja, ż-żagħżugħ mixli f’dan il-każ, skont it-tfajla kien hu li taha l-kokaina fit-toilet tal-istabbiliment Clique f’Paceville. Hija allegat ukoll li ħadet madwar sittax-il linja, iżda aktar tard qalet li ma kienetx ċerta mill-ammont li kkonsmat.

Waħda mix-xhieda kienet omm it-tfajla, fejn meta marret fejn it-tifla fl-isptar ddeskrevitha propju bil-kliem “kienet qisha mejta”. Bit-tifla dak il-ħin tgħidilha li kien hemm xi ħadd tefgħalha xi ħaġa fit-tazza.

Bugeja fix-xhieda tiegħu, ċaħad li juża d-droga u qal kif minħabba li kien qed jipprova jibni karriera fil-mużika kien qed iżomm bogħod minn dan il-vizzju. Fix-xhieda tiegħu qal li t-tfajla u ħabibtha kienu fil-kumpanija ta’ raġel ieħor ta’ madwar 40 sena, u minn ħin għall-ieħor bdew jidħlu miegħu fit-toilet.

Min naħa tagħha l-Maġistrat Giannella Camilleri Busittil qieset il-verżjoni tat-tfajla bħala konsistenti kemm meta tkellmet mall-Pulizija u anke fil-Qorti. It-tfajla dejjem indikat ukoll lil Bugeja waħdu bħala l-persuna li forna d-droga.

Minn naħa tagħha l-Qorti qalet li Bugeja ma kienx konsistenti – dan hekk kif fil-bidu xehed li t-tfajliet bdew jisparixxu minn ħdejh u f’seduta aktar riċenti xehed li kein rahom deħlin u ħerġin fit-toilet ma’ raġel ieħor.

Fid-deċiżjoni dwar il-piena, il-Qorti qieset li ż-żagħżugħ tressaq ħames snin wara li seħħ il-każ u li l-kondotta tiegħu hija nadifa. Finalment kkundannatu sentejn ħabs sospiża għal tliet snin, flimkien ma’ multa ta’ €2,000.