Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, tat sentenza ta’ 60 siegħa xogħol fil-komunità fil-konfront ta’ Roderick Bonnici, li ammetta diversi reati relatati ma’ vandaliżmu fuq vettura u disturb pubbliku. Bonnici mhux biss ammetta l-akkużi iżda kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.
Ir-raġel, li għandu 38 sena u residenti Ħal Qormi, ammetta b’mod volontarju u bla kundizzjoni għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Ir-reat ewlieni li għalih ġie akkużat kien dak li fis-7 ta’ April 2025 għall-ħabta tal-8.15pm qabad briksa u waddabha fuq il-windscreen ta’ vann tat-tip Toyota Pixis u kissru.
Dan l-att ġie kkonfermat permezz ta’ filmat CCTV li nġibed minn sistema tas-sigurtà fil-viċinanzi tal-inċident. Il-ħsara mġarrba inizjalment ġiet stmata għall-ammont ta’ €2,500. Roderick Bonnici ġie wkoll akkużat li kiser il-buon ordni b’għajjat u ġlied, li wettaq dan ir-reat waqt li kien diġà kkundannat f’sentenza preċedenti li kienet saret definittiva.
Huwa kien akkużat ukoll li l-imġiba tiegħu kkawżat biża’ ta’ vjolenza fiżika jew fuq il-propjetà tal-vittma jew qraba tiegħu. Il-Qorti wissietu fuq il-konsegwenzi legali u tagħu ċans jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, li hu kkonferma.
Mill-proċeduri rriżulta li l-akkużat mhux biss ammetta u esprima rieda li jsewwi l-ħsara, iżda effettivament ħa passi konkreti biex jagħmel dan. Tliet ġimgħat wara l-ammissjoni, huwa ordna windscreen ġdid u ħallas id-depożitu fuqu.
Madanakollu, peress li l-windscreen speċifiku kellu jiġi importat miċ-Ċina, kienu previsti madwar xahrejn sakemm jasal. Huwa ppreżenta wkoll kopja ta’ rċevuta li turi dan kollu. Illi min-naħa tiegħu, il-parte ċivile ressaq surveyor indipendenti li ta stima tal-ħsarat fl-ammont ta’ €2,553.
Għalkemm jidher li l-vann kellu ħsara mhux biss fil-windscreen iżda wkoll fil-fanal ta’ quddiem, l-istess
surveyor ma setax jikkonferma li ż-żewġ tipi ta’ ħsarat seħħew bl-istess inċident jew b’inċidenti separati. Il-Qorti qieset li l-akkużat ammetta mal-ewwel l-involviment tiegħu f’dan il-każ u obbliga ruħu li jsewwi l-ħsara li huwa stess ikkaġuna.
Fil-fatt, jirriżulta lill-Qorti li tliet ġimgħat wara li l-akkużat ammetta quddiemha, huwa ordna windscreen ġdid u ħallas id-depożitu. Jirriżulta wkoll lill-Qorti, madanakollu, illi l-parte ċivile, fl-20 ta’ Mejju 2025, ordna windscreen ieħor minn jeddu.
Illi skont irċevuta ppreżentata minnu, jirriżulta li minkejja li l-windscreen kien jiswa US $303, l-ispejjeż ta’ ppakkettjar, air courier u tal-bank ammontaw għal total ta’ US $1,165. Jirriżulta li fil-21 ta’ Mejju 2025, il-parte ċivile ħallas is-somma totali ta’ €1,325.97 għall-akkwist ta’ dan il-windscreen.
Huwa jikkonferma fix-xhieda tiegħu li wettaq it-tiswija fuq il-windscreen. Qal li l-fanal għadu ma ssewwiex. Fir-rigward tal-ħsarat, il-Qorti kellha tiddistingwi bejn ħsarat reali u kumpens. Għalkemm il-vittma pprova jġib provi għal ħsara fil-fanal ukoll, is-surveyor imqabbad ma setax jikkonferma li dan seħħ fl-istess inċident.
Għaldaqstant, il-Qorti ma ordnatx ħlas għalih. Il-Qorti għarfet li l-vittma ma ppreżentax provi ta’ telf ekonomiku dirett bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ użu tal-vann, u għalhekk għażlet li tillikwida kumpens raġonevoli.
B’hekk, il-Qorti ordnat li Roderick Bonnici jħallas is-somma ta’ €300 lil min fejn kien ordna il-windscreen għal spejjeż relatati mal-ordni oriġinali tiegħu u €363 kumpens lill-vittma. Barra minn hekk, filwaqt li l-Qorti rrikonoxxiet serjetà ta’ reċidiva, li normalment teskludi piena sospiża.
Hawn il-Qorti għażlet li tħares lejn il-linji gwida tal-Kap. 446 tal-Liġijiet ta’ Malta u ddeċidiet li l-aktar piena adatta kienet ordni ta’ servizz fil-komunità. Il-piena mogħtija kienet 60 siegħa xogħol volontarju fil-komunità, taħt superviżjoni u taħt id-direzzjoni tad-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole.
Il-Qorti spjegat b’mod ċar lill-akkużat l-obbligi tiegħu u wissietu li jekk jonqos milli jħares l-ordni jew jikkommetti reat ieħor matul dan il-perjodu, jista’ jerġa’ jiġi ġġudikat għall-istess reati u jingħata piena iktar gravi.
Saru wkoll ordnijiet sabiex din is-sentenza u l-kundizzjonijiet relatati jiġu mgħoddija immedjatament lill-awtoritajiet responsabbli. Barra minn hekk, bħala miżura ta’ protezzjoni, il-Qorti għamlet Ordni ta’ Trazzin favur il-vittma għal perjodu ta’ sena.
Dan ir-rapport iservi bħala dokumentazzjoni dettaljata ta’ kif il-Qorti resqet b’mod bilanċjat u proporzjonat għall-fatti tal-każ, billi nnotat l-imġiba tal-akkużat, il-ħtieġa li tingħata ġustizzja lill-vittma u l-importanza li jiġu promossi pieni alternattivi li jiffukaw fuq riforma u kontribuzzjoni pożittiva lis-soċjetà. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Italo Mizzi.
Fir-rigward tal-piena, il-Qorti tqis li piena karċerarja mhijiex waħda rakkomandata fiċ-ċirkostanzi tal-każ, partikularment għaliex l-akkużat ammetta mal-ewwel it-twettiq ta’ dan ir-reat u offra li jħallas id-danni minnu kkawżati mal-ewwel.
Madanakollu, jistipula li fejn persuna tkun reċidiva, hija ma tistax tingħata l-piena ta’ priġunerija sospiża għal żmien. Qalet li l-Att dwar il-Probation, Kap. 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, min-naħa l-oħra, jikkunsidra
l-piena alternattiva ta’ Ordni ta’ Servizz fil-Komunità fejn l-akkużat ikollu jagħti dawk l-ammonti ta’ sigħat ordnati mill-Qorti lura lill-komunità.
Il-Qorti tqis li f’dan il-każ, 60 siegħa xogħol huma ġustifikati fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ. Roderick Bonnici nstab ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontra tiegħu u poġġietu taħt Ordni ta’ Servizz fil-Komunità bil-kondizzjoni li jagħmel xogħol bla ħlas għal 60 siegħa f’dak il-post u b’dawk l-arranġamenti li jsiru mid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole u bil-kondizzjonijiet kollha l-oħra imsemmija fid-digriet mogħti.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Italo Mizzi.
//= $special ?>