Internazzjonali

Bangladesh:  Diversi mejtin u midruba wara li ajruplan kraxxja direttament fuq skola

Mietu ‘il fuq minn 20 – b’madwar 200 jindarbu – wara li ajruplan tal-qawwiet tal-ajru ta’ Bangladesh ikkraxxja direttament f’kampus tal-skola fil-belt kapitali ta’ Dhaka.

L-ajruplan kien qed jintuża bħala ‘training jet’ u fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet kienu qed jistennew żieda sostanzjali fil-vittmi — fost ir-reazzjoni kollettiva għall-emerġenza.

Il-media soċjali , bħalissa, hi mimlija bil-filmati li nġibdu mill-iskola fis-subborg ta’ Uttara u fejn qed jispikkaw id-dehriet tan-nirien u d-dħaħen wara li l-ajruplan baqa’ dieħel f’bini tal-kumpless, għoli madwar żewġ sulari.

Il-kapijiet  tal-qawwiet tal-ajru lokali qalu, intant, li l-ajruplan, tat-tip F-7,  żviluppa l-ħsarat tekniċi wara li kien tela’ għal eżerċizzju ta’ taħriġ, minuti biss qabel żvolġiet it-traġedja.

L-aħħar rapporti minn Dhaka qalu li l-pilota tal-ajruplan spiċċa fost il-mejtin u li l-isptarijiet taz-zona kienu qed jirċievu l-għexieren tal-midruba — inklużi adulti u tfal. Ma kienx magħruf mija-fil-mija jekk in-nies li tilfu ħajjithom kenux jinkludi anki l-istudenti.

Dan waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi jinsabu għaddejjin bil-ħidma tas-salvataġġ fis-sit tat-tiġrif – bl-awtoritajiet iwaqqfu kumitat investigattiv biex jindaga u jiżvela aktar dwar l-inċident.

F’din l-iskola – li anki taqdi l-funzjoni ta’ kulleġġ — jattendu l-istudenti li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn erba’ snin sa 18-il sena.