Lokali Parlament

Ebda żviluppi dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar

Ma kien kemm ebda żviluppi dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar.

Dan ikkofermah fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea li stqsiet lill-Miniistru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-berġa ta’ San Pawl il-Baħar. Hu wieġeb ukoll li meta jkun hemm xi żviluppi, dawn jitħabbru.

F’mistoqsijiet oħra li saru wkoll aktar qabel mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea jirriżulta li l-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar fil-preżent hi magħluqa u ilha magħluqa għal ħafna żmien, tant li kull min irid juża dan iċ-Ċentru tas-Saħħa jeħtieġ li jmur biex jinqeda mill-Mosta – miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Il-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar kienet tintuża mit-tabib, infermiera u patoloġija tal-lingwa mitkellma sas-sena 2019. Ingħalqet fil-COVID fis-sena 2020 bħall-Bereġ l-oħra kollha. Intużat ukoll fis-sena 2021 biex ingħata l-vaċċin tal-COVID.

Sadanittant dawk kollha minn San Pawl il-Baħar li jinħtieġu kwalunkwe servizz tas-saħħa, qegħdin jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, 24 siegħa kuljum.

Fi Frar ta’ din is-sena, meta d-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea kienet ressqet mistoqsija oħra dwar xi żviluppi kien hemm dwar il-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ San Pawl il-Baħar, li kien għadu magħluq, u fejn ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar ikunu jistgħu jinqdew għall-bżonnijiet mediċi tagħhom u għal xi servizzi oħra bħal dawk li kienu jiġu pprovduti fil-berġa, il-Ministru għas-Saħħa kien wieġeb li nħarġu sejħiet għall-post fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar sabiex jinstab sit adegwat biex jintuża bħala klinika fil-komunità.

Dakinhar, iżda, ħadd ma applika. Il-Kunsill Lokali wkoll kien avviċinat. Sa dakinhar, iżda, ma kien instab l-ebda post li jista’ jintuża bħala klinika.