Il-kriżi umanitarja f’Gaza mistennija tiżdied sostanzjalment wara li l-qawwiet Iżraeljani wettqu offensiva ġdida – mill-art u mill-ajru – fuq il-belt ta’ Deir al-Balah….Belt li, qabel, kienet iffrankat il-qilla tal-konflitt bejn l-Armata ta’ Iżrael u t-terroristi Palestinjani tal-grupp Ħamas.
Il-belt ta’ Deir al-Balah u l-madwar huma pakkjati bl-eluf ta’ refuġjati li vvjaġġaw lejn l-inħawi min-naħa t’isfel ta’ Gaza.
Intant, il-Gvern ta’ Iżrael jemmen li l-Ħamas qed iżomm numru ta’ ostaġġi fil-belt partikulari u għalkemm l-Armata ma żvelatx id-dettalji, hemm indikazzjonijiet li l-Iżraeljani qed jippruvaw jeliminaw il-bejtiet tal-Ħamas f’dik iz-zona….Zona fejn jista’ anki hemm l-ostaġġi miżmumin fil-labirint tal-mini taħt l-art.
Kien kmieni dalgħodu meta t-tankijiet u l-vetturi militari ta’ Iżrael avvanzaw lejn il-qalba ta’ Deir al-Balah wara li l-artillerija tal-Iżraeljani kienet fetħet burraxka fuq l-inħawi. Fl-offensiva ħadu sehem ukoll l-ajruplani tal-gwerra li provdew appoġġ f’kull ħin lit-truppi.
Dan ukoll waqt li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani komplew bl-attakki fuq bnadi oħra u fejn numru ta’ bini fil-Belt ta’ Gaza ntlaqtu bil-missili.
L-iżviluppi preċiżi ta’ din l-azzjoni militari ma kenux daqstant magħrufa proprju għaliex Iżrael ma jippermettix li l-media internazzjonali tirrapporta b’mod ħieles mill-inħawi ta’ Gaza.
Il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas ilha mis-7 ta’ Ottubru tal-2023 meta t-terroristi Palestinjani kienu qasmu l-fruntiera ta’ Gaza u massakraw il-mijiet tal-familji u membri riservista tal-Armata Iżraeljana waqt l-attakk storiku.
Minn dakinar il-Gvern Iżraeljan ta’ Benjamin Netanyahu iddikjara gwerra totali ‘u sal-aħħar’ kontra l-Ħamas u bir-riżultat li mill-bidu tal-konflitt s’issa mietu ‘il fuq minn 59,000 Palestinjan – terroristi u daqstant ieħor ċivili.
Il-poplu ta’ Gaza, fl-istess ħin, qed ikompli jbati mill-ġuh akut meta l-Iżraeljani ftit qed jippermettu li t-trakkijiet tal-għajnuna jaqsmu lejn l-inħawi tat-territorju ffullati bil-familji. Dan ukoll meta għaddejjin l-isparaturi qattiela fiċ-ċentri ta’ Gaza għad-distribuzzjoni tal-ikel u fejn kważi kuljum qed jirriżultaw dejjem akar vittmi ċivili.
Fl-aħħar sigħat, l-uffiċjali mal-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas f’Gaza, qalu li ‘il fuq minn 20 Palestinjan mietu bil-ġuh f’perjodu ta’ 24 siegħa biss.
Dan waqt li t-tobba f’Gaza sostnew li numru ta’ Palestinjani tilfu ħajjithom meta t-tankijiet tal-gwerra bdew jisparaw għal fuq il-bini fiċ-ċentru ta’ Deir al-Balah…Dan kellu jseħħ sigħat wara li l-Iżraeljani ħarġu twissijiet għall-evakwazzjoni tal-għexieren tal-eluf tar-residenti mill-inħawi.
In-Nazzjonijiet Uniti u aġenziji oħra tal-għajnuna, intant, qed isegwu l-iżviluppi f’Gaza b’allarm kbir u fost l-istqarrijiet li l-azzjonijiet militari f’Deir al-Balah qed jaffettwaw bil-kbir lill-missjoni umanitarja li għaddejja bħalissa f’dik iz-zona.
Madankollu, għad ma hemm l-ebda kumment partikulari mill-Armata dwar l-avvanzi tat-truppi u t-tankijiet f’Deir al-Balah.
Fl-istess ħin, l-impatt tal-konflitt qed iħalli dejjem aktar konsegwenzi katastrofiċi minn aspett umanitarju.
Fil-fatt, l-esperti u l-osservaturi tal-iżviluppi f’Gaza wissew li aktar minn 1.5 miljun resident Palestinjan – jew żewġ-terzi tal-popolazzjoni ta’ qabel il-gwerra – qed jissugraw li, sa Ottubru, ikunu qed ibatu mill-malnutriżmu akut…Dan ukoll meta kibret sew il-possibbiltà li numru kbir ta’ tfal u persuni vulnerabbli jmutu mill-effetti tal-ġuh.
L-entità IPC – li tispeċjalizza fis-sigurtà tal-ikel fuq livell globali – ukoll wissiet li l-affarijiet (inklużi l-ikel) meqjusa bħala indispensabbli għall-għajxien tar-residenti ta’ Gaza naqsu sa livell kważi negliġibbli u mistenni li jispiċċaw kompletament matul il-ġimgħat li ġejjin.
Il-kelliema għall-entità qalu li mhix eżaġerazzjoni li kważi nofs-miljun Palestinjan f’Gaza qed jiffaċċjaw katastrofi — waqt li mal-1.1 miljun Palestinjani oħra jinsabu fil-kategorija li tindika sogru ċar ta’ emerġenza b’kaġun tal-konflitt.
//= $special ?>