Lokali

Ħaddiema tal-MCCAA jopponu arroganza minn Carmen Ciantar dwar miżuri ta’ xogħol ġodda

Ic-Chairperson il-ġdid tal-Awtortità għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) Carmen Ciantar wissiet lill-ħaddiema tal-MCCAA li se tkun qed tintroduċi diversi miżuri ġodda li se jaffettwaw l-andament tax-xogħol tagħhom flimkien mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Din it-twissija ngħatat lill-ħaddiema tal-MCCAA f’laqgħat li saru u li kienu deskritti minn ħaddiema bħala attitudni ta’ arroganza mill-istess chairperson ġdid tal-Awtorità.

Sorsi li tkellmu ma’ NET News sostnew li dawn id-direttivi ġodda kienu l-ewwel trattati u diskussi mad-diversi diretturi biex aktar tard twasslu għand il-ħaddiema tal-Awtorità. NET News hu informat li dawn il-miżuri ġodda se jkunu qed jillimitaw bil-kbir il-possibbiltà li l-ħaddiema tal-Awtorità jaħdmu mid-dar.

Din id-direttiva tmur kontra l-politika li suppost qed jinċentiva l-gvern u li biha suppost li qed jinkoraġixxi iktar ħaddiema tal-gvern u tal-awtoritajiet biex jaħdmu mid-dar. Miżura oħra li qed tkun kritikata bil-qawwi mill-ħaddiema tal-MCCAA hi t-tnaqqis fin-nofstanhari tal-ħaddiema tal-Awtorità.

F’laqgħat li saru bejn it-tmexxija tal-MCCAA u l-ħaddiema, kien trattat in-nuqqas ta’ qbil li qed jesprimu l-ħaddiema ma’ dawn id-direttivi. Dan wassal biex il-ħaddiema anki tkellmu mal-unions rispettivi tagħhom li għamlu rappreżentazzjonijiet mal-MCCAA iżda jidher li ma kienx hemm qbil fuq l-oġġezzjonijiet ewlenin tal-ħaddiema u fil-fatt ħafna mill-proposti tal-ħaddiema ma kinux aċċettati.

Flimkien ma’ dawn il-miżuri ġodda hemm ukoll oħrajn li se jkunu imposti fuq il-ħaddiema iżda fost l-ikbar oġġezzjonijiet tal-ħaddiema hemm l-atttudni ta’ Carmen Ciantar fil-mod kif qed tinsisti li akkost ta’ kollox dawn id-direttivi jridu jkunu implimentati b’mod immedjat. Il-ħaddiema qed isostnu li huma, li ilhom jaħdmu fl-MCCAA numru ta’ snin, kellhom ikunu konsultati qabel jiddaħħlu dawn id-direttivi.

Il-ħatra ta’ Carmen Cinatar bħala Chairperson tal-MCCAA kienet imdawra minn kontroversja wara li l-Prim Ministru kien ħabbarha qabel fil-fatt kienet diskussa fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet. Minħabba dan in-nuqqas, din il-ħatra kienet twaqqfet sakemm saret il-ħatra b’mod regolari.

Qabel din il-ħatra Carmen Ciantar kienet appuntata Kap tal-Fondazzjoni għall-Istudju Mediċi (FMS) mill-Eks Deputat Prim Ministru u Eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Hi tneħħiet minn din il-kariga meta nbidel il-Ministru tas-Saħħa u Jo Etienne Abela nħatar flok Chris Fearne li kien irriżenja minħabba l-akkużi li hu qed jiffaċċja minħabba l-iskandlu tal-isptarijiet.

F’din il-kariga fl-FMS Ciantar kienet taqla’ €163,000 fis-sena waqt li fil-kariga tagħha bħala Chiarperson tal-MCCAA, Carmen Ciantar qed taqla’ €70,000 fis-sena, li jitilgħu għal madwar €95,000 bl-allowances.