Internazzjonali

Il-Ġappun:  Mhux se jirriżenja minn Prim Ministru….Iżda s-sitwazzjoni qed tberraq għall-koalizzjoni

Il-Prim Ministru Ġappuniż. Shigeru Ishiba, għamilha ċara li mgħandux il-ħsieb li jirriżenja…Dan wara li l-Koalizzjoni fil-Gvern immexxi minnu tilfet il-maġġoranza fil-kamra ta’ fuq tal-Parlament f’Tokjo.

Il-Ġappuniżi, li ivvutaw nhar il-Ħadd, ma tilfux l-okkażjoni biex jesprimu frustrazzjoni għall-koalizzjoni tal-Partit Liberali Demokratiku (LDP) u l-Partit Komeito — u meta fil-pajjiż qed jikber l-għadab dwar l-għoli tal-ħajja u t-theddida tat-tariffi min-naħa tal-Istati Uniti.

Il-Prim Ministru, issa, qal li jaċċetta ‘ir-riżultat aħrax tal-elezzjoni’ iżda spjega li jrid jikkonċentra aktar minn qatt qabel fuq l-ekonomija ta’ pajjiżu.

Il-koalizzjoni ta’ Ishiba, madankollu, tilfet ħafna mis-saħħa li kellha….Dan meta l-istess koalizzjoni, is-sena l-oħra, anki tilfet l-elezzjoni għall-kamra t’isfel tal-Parlament Ġappuniż  li hi aktar influwenti mill-assemblea ta’ fuq.

Il-koalizzjoni fil-Gvern, nhar il-Ħadd, kisbet biss 47 siġġu fil-kamra ta’ fuq tal-Parlament u meta kellha bżonn ta’ 50 għal maġġoranza. Dan waqt li l-Partit Kostituzzjonali Demokratiku – il-partit ewlieni fl-Oppożizzjoni – spiċċa bħala t-tieni l-akbar entità politika, bi 22 deputat.

L-elezzjoni tal-Ħadd, fil-fatt, kienet effettiva għal nofs is-siġġijiet fil-kamra ta’ fuq u fejn il-membri jkunu eletti għal termini ta’ sitt snin.

Jidher ukoll li l-appoġġ għall-LPD tnaqqar sew wara li aktar Ġappuniżi abbandunaw il-partit biex jagħtu l-vot lill-partiti tal-lemin.

Fl-istess ħin, hu minnu li ħafna Ġappuniżi – fil-parti kbira sostenituri tal-eks Prim Ministru Shinzo Abe — ma jqisux lil Ishiba bħala politiku konservattiv ‘biżżejjed’. Shinzo Abe kien ukoll imexxi lill-LDP u kien l-aktar politiku li serva fit-tul bħala Prim Ministru tal-Ġappun.

Abe, li spiċċa assassinat tlett snin ilu, kellu żewġ mandati ta’ tmexxija, bejn l-2006 u l-2007 u bejn l-2012 u l-2020.

Mis-sitwazzjoni preżenti, intant, qed jiggwadanja l-Partit Sanseito – li jippromwovi ideoloġija ultra-konservattiva u anki estremista – u li hu magħruf ukoll għall-istqarrijiet kontra l-barranin.

Il-Partit LDP ta’ Ishiba, għall-kuntrarju, iħaddan politika taċ-ċentru-lemin u ilu jmexxi lill-Ġappun kważi kontinwament sa mill-1955.

Iżda llum l-LDP qed ikollu jiffaċċja direttament il-mewġa ta’ skuntentizza fost il-poplu li mhux biss qed jinkwieta dwar l-inflazzjoni rampanti iżda anki dwar is-sensiela ta’ skandli politiċi relatati mal-partit ta’ Ishiba u li feġġew f’dawn l-aħħar snin.