Il-Gvern bil-paroli jgħid ħafna affarijiet, imma bil-fatti jaġixxi differenti ħafna. Fl-aktar mossa arroganti riċenti tiegħu, il-Gvern iddeċieda li jwaqqaf il-ħidma Parlamentari llum it-Tnejn u għada t-Tlieta.
Ħabbru dan il-Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar u l-Assistent Whip, Paula Mifsud Bonnici, fi stqarrija fejn sostnew li n-nuqqas ta’ rispett lejn l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż min-naħa tal-Gvern reġgħet ħarġet fid-deher, fejn b’mod irresponsabbli u unilateralment iddeċieda li ma jlaqqax il-Parlament.
L-arroganza tal-Gvern u d-diżrispett lejn l-ogħla istituzzjoni u lejn il-poplu li din tirrappreżenta laħqet livelli bla preċedent. Il-Gvern qed ikompli jikkonferma kemm m’għandu l-ebda pjan serju dwar il-ħidma Parlamentari u saħansitra qed iwaqqa’ l-ħidma Parlamentari u rendiha farsa.
Illum għandna Gvern li qed jibqa’ jiġi jaqa’ u jqum mill-interess veru tal-pajjiż. Minkejja li quddiem il-Parlament hemm 17-il mozzjoni pendenti tal-Oppożizzjoni, il-Gvern xorta għażel li ma jlaqqax il-Parlament biex ikompli jipprova bl-aktar mod arroganti jiċċensura lill-Oppożizzjoni.
Il-Gvern, li suppost imur fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż biex jaħdem għall-poplu, kien aktar komdu jibgħat lid-Deputati u l-Ministri d-dar milli jara li jattendu l-Parlament u jiddiskuti liġijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Din l-atitudni ta’ arroganza lejn l-Oppożizzjoni u lejn il-poplu – arroganza li llum saret it-timbru tal-Gvern – mhijiex aċċettabbli.
Dan mhuwiex il-Gvern li jixraqlu l-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>