Il-Ġublew tal-Isportivi tfakkar ilbieraħ u beda b’fun run maqsuma fuq żewġ rotot minn ħdejn il-Kappella ta’ San Niklaw u ntemmet fid-Dar tal-Providenza. Fi tmiem il-fun run, il-parteċipanti ngħataw medalja b’tifkira tal-Ġublew u kienu wkoll mistiedna jieħdu sehem fil-quddiesa mmexxija mill-Arċisqof.
Waqt l-omelija, l-Arċisqof Scicluna rringrazzja lill-Mulej għas-saħħa tagħna, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li nsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ, u li nħobbu lil Alla, lil xulxin u lilna nfusna.
Huwa rringrazzja lill-isportivi tal-impenn tagħhom u anke l-benefatturi li qed jgħinu lid-Dar tal-Providenza, bħala eżempju ħaj ta’ fidi attiva.
Dwar il-gwerra fil-Palestina, l-Arċisqof semma r-raħal ta’ Taybeh (antikament magħruf bħala Efrajm), li kien laqa’ lil Ġesù u li reċentement ġie attakkat. Huwa kkundanna b’mod ċar l-attakki fuq ċivili u postijiet sagri, u sejjaħ għal tmiem il-vjolenza u l-ġenoċidju kontra l-Palestinjani Nsara u Musulmani.
“Nitolbu biex il-qalb ta’ dawn in-nies ma tibqax ħarxa u krudili u biex jieqaf il-ġenoċidju tal-Palestinjani Musulmani u Nsara. Il-Lhud m’għandhomx dritt li għas-sigurezza tagħhom ikissru l-paċi u l-ħajja ta’ ħaddieħor. Għiduli liema dritt f’isem is-sigurezza tiegħek tista’ tkisser, taħraq u toqtol?” temm jgħid l-Arċisqof Scicluna.
Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof iltaqa’ u anke kiel mal-plejers li bħalissa qed jieħdu sehem fil-maratona b’risq ir-residenti tad-Dar tal-Providenza.
L-attivitajiet tal-Ġublew tal-Isportivi kienu organizzati mill-Kummissjoni Djoċesana.

