Lokali

“Kemm kemm inlaħħaq” – Il-poplu Malti jħoss l-għoli tal-ħajja

Il-pjaga tal-għoli tal-ħajja tkompli tippersisti – bil-poplu kontinwament bi problemi varji għaliex il-paga jew il-pensjoni għandha xorti sservihom sal-aħħar tax-xahar.

Net News it-Tnejn filgħodu tkellem ma’ bosta persuni li qasmu magħna kemm l-għoli tal-ħajja verament qed iħalli impatt fuq ħajjithom – mill-kbar saż-żgħar.

U mhux wieħed jew tnejn kienu dawk li qalulna li kemm kemm qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Din l-instabbilità toħloq diversi problemi varji oħra – bil-poplu ħafna drabi jispiċċa jkollu joqgħod ħafna aktar attent u anke jiċċaħad minn diversi affarijiet sabiex jgħaddi minn xahar għall-ieħor.

Affarijiet bażiċi li wieħed jixtri ta’ kuljum u l-mediċini huma fost l-aktar affarijiet li semmew li qed jogħlew b’mod esaġerat.

Dan mhuwiex biss x’qed jgħid il-poplu Malti u Għawdxi iżda dan evidentament deher fi statistika tal-Eurostat li kkonfermat kif Malta tinsab fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bl-għola rata ta’ inflazzjoni.

Min naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista, fil-konfront ta’ din il-pjaga, ħareġ ukoll bost proposti – liema proposti ġew kollha kemm huma miċħuda mill-Partit Laburista fil-Gvern.

Fost dawn, hemm il-proposta li l-COLA tingħata sħiħa lill-ħaddiema, li l-Gvern jgħin lill-importaturi b’fond nazzjonali, li jingħataw tax credits, u li titneħħa t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-part-time u l-overtime.

Ma’ dawn hemm ukoll l-inċentivi li lest jintroduċi Gvern ġdid Nazzjonalista għal min ikollu t-tfal, u xorta jista’ jibqa’ jdaħħal introjtu – permezz tal-leave għall-ġenituri – waqt li jgawdi l-ewwel xhur tat-trobbija tat-tfal tiegħu.