Lokali

Manuvri politiċi fost il-kunsilliera Laburisti fiż-Żejtun

Il-firda fi ħdan il-Partit Laburista qed tkompli toħroġ aktar fil-beraħ hekk kif qed isiru aktar evidenti l-kunflitti fost il-Ministru u Segretarji Parlamentari u l-esponenti li jappoġġjaw lilhom.

Din il-firda issa infiltrat il-Kunsill Lokali taż-Żejtun. B’sorsi jindikaw li l-firda tinħass sew bejn is-Sindku u impjegata fis-Segretarjat ta’ Owen Bonnici – Joan Agius u l-Viċi Sindku u impjegat fis-Segretarjat ta’ Alicia Bugeja Said – Raymond Caruana.

Jirriżulta li kien propju ftit tal-jiem ilu meta s-Sindku Laburista Joan Agius, permezz ta’ Facebook, għamlet avviż sabiex tinforma liż-Zwieten dwar id-dekasteri ġodda li tat lill-kunsilliera. Bis-Sindku tiddikjara li hi dejjem kienet ċara li kultant “ikun hemm bżonn ta’ xi tibdil”, fejn żiedet tgħid li hi kuntenta li l-maġġoranza tal-kunsilliera huma sodisfatti bit-tibdil.

Deċiżjoni li qanqlet lill-Viċi Sindku biex jikteb post fuq facebook fejn iddikjara li ma kinitx deċiżjoni tiegħu li jsir tibdil fid-dekasteru tiegħu. U kienu bosta residenti li kkummentaw u wrew id-diżappunt tagħhom… b’bosta jgħidu li “hemm min weġgħetu żaqqu” bix-xogħol ta’ Raymond Caruana jew li mossa frott “l-għira kbira”.

Fejn saħanistra kumment minnhom jgħid li s-Sindku Joan Agius tibża’ minn Caruana għaliex fiż-Zejtun Caruana huwa “maħbub aktar” minnha.

Bis-sorsi tagħhna jindikaw li dawn il-manuvri huma kollha minħabba l-fatt li Alicia Bugeja Said u Owen Bonnici joħorġu fuq l-istess disrett, li fil-qalba tiegħu hemm propju ż-Żejtun – hekk kif Caruana li huwa canvasser ta’ Bugeja Said dejjaq lin-nies ta’ Owen Bonnici u għalhekk ġibed il-mira tagħhom.

Intant, fl-aħħar ġimgħat, Raymond Caruana kien elett bħala Segretarju tal-Każin Laburista fiż-Żejtun… żvilupp li ma niżel tajjeb xejn man-nies ta’ Owen Bonnici, hekk kif is-Sindku Agius, qegħda fil-kumitat tal-Labour iżda ma ngħatat l-ebda kariga.