minn Alex Borg
Kull mument politiku jġorr miegħu mistoqsija: għandna nistennew, jew għandna nieħdu azzjoni? Illum, Malta u l-Partit Nazzjonalista jinsabu f’salib it-toroq. M’aħniex f’pożizzjoni fejn nistgħu nieqfu, nitbiegħdu jew noqogħdu komdi fir-rutina tagħna. Dan hu l-mument li jeħtieġ kuraġġ u impenn. Dan hu l-mument li qed isejjaħ għal tmexxija bi skop. U huwa għalhekk li jien ħadt din id-deċiżjoni sabiex nikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Għalija, din id-deċiżjoni mhijiex dwar l-ambizzjoni u wisq anqas it-titlu. Hi dwar is-servizz. Hi dwar il-ħtieġa tal-urġenza ta’ issa, u tal-għażla sabiex nieħu l-pass ’il quddiem. Pajjiżna qed jiffaċċja diversi ostakli li ma jistgħux ikomplu jiġu mitfugħa taħt it-tapit – mill-kriżi tal-għoli tal-ħajja, għall-inċertezzi li jaffaċċjaw il-familji żgħar, mill-ftit opportunitajiet li hawn fl-innovazzjoni, sostenibbiltà u edukazzjoni. Dawn mhumiex il-problemi ta’ għada. Dawn huma r-realtajiet tal-lum. U jekk ma neħdux azzjoni immedjata issa, se jkollna aktar problemi fil-futur li jixħtuna aktar lura.
It-tmexxija mhijiex xi ħaġa li tistenna kundizzjonijiet perfetti. Hi dwar li tkun kapaċi toħloq futur, anke f’mumenti ta’ inċertezza. Li pajjiżna għandu bżonn illum hu partit li jieqaf iħares ’il ġewwa u jibda jiftaħ ’il barra. Moviment li għandu jisma’ fil-fond, jinkludi viżjoni wiesgħa u jaħdem u jwettaq azzjoni deċiżiva. Il-PN għandu jevolvi – mhux biex iħassar l-istorja, imma biex jonoraha billi jibni xi ħaġa li tilħaq dak mistenni, mogħni bl-aqwa tradizzjonijiet waqt li jwieġeb għall-bżonnijiet tal-poplu tal-lum.
L-evoluzzjoni tibda b’bidla fil-mentalità. Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu waħedna. Ma nistgħux inkomplu niddefendu kunflitti interni, permezz ta’ labels jew nostalġija. Il-viżjoni għandha tkun immexxija minn ħeġġa ta’ nies minn oqsma differenti, ġenerazzjonijiet differenti, magħqudin mhux b’fazzjoni imma b’missjoni. Il-missjoni li trid tagħti lil Malta politika ta’ sustanza, ta’ tama, ta’ kuraġġ.
Nemmen li din il-ġenerazzjoni għandha tkun responsabbli għall-futur. Aħna se ngħixu fiha. Aħna se naħdmu fiha. Se nrabbu l-familji tagħna fiha. Dan ifisser li ma nistgħux inkunu osservaturi passivi. Għandna bżonn nieħdu l-pass ’il quddiem u ngħinu nibnu Malta waħda li rridu nirtu. Din il-kampanja mhijiex dwar li nwarrbu lin-nies, imma li ninkludu aktar. L-esperjenza rriduha, iva. Però għandna bżonn ukoll tiġdid. Tiġdid vera jiġri meta flimkien niġbru perspettivi differenti madwar għan komuni.
Il-politika tagħna saret wisq reattiva. Nistennew li l-problemi jiġu qabel ma nirrispondu. Nistennew għal kaos qabel nirrispondu. Din il-mentalità mhijiex tajba biżżejjed. Malta għandha bżonn forza politika li tmexxi – mhux bl-għajat, imma billi tipproponi. Mhux billi taqsam, imma billi tgħaqqad. Irrid PN li jerġa’ jieħu lura dik il-forza.
Jeħtieġ nibdlu lill-Partit Nazzjonalista f’moviment politiku li jikseb il-fiduċja mhux biss fi żmien elezzjoni, imma kuljum.
It-telfiet elettorali tagħna għallmuna li r-riforma ma tistax tkun biss dwar strutturi jew slogans. Hi dwar kif in-nies iħossuhom. In-nies iridu jħossu li qed nisimgħuhom. Li huma parti. Li aħna qed nitkellmu dwar ir-realtà tagħhom. Dan huwa x-xogħol li jmiss. U kollox jibda mill-għaqda.
Nistieden lil kull min jemmen f’dan il-pajjiż biex jingħaqad magħna. Kemm jekk int wieħed li ilek tappoġġjana, kif ukoll jekk tbegħidt għal xi raġuni – għandna bżonnok. Dan hu proġett ta’ responsabbiltà, ta’ tiġdid u ta’ għan nazzjonali. Il-PN irid jerġa’ jsir dar għal kull min irid jagħti sehem f’xi ħaġa akbar minnu nnifsu.
Flimkien nistgħu nibnu Malta fejn id-dinjità ma tkunx privileġġ, imma garanzija. Fejn il-kwalità tal-ħajja tkun prijorità nazzjonali. Fejn l-opportunità tkun reali, u l-komunitajiet iħossuhom appoġġjati u rikonoxxuti. Fejn il-mexxejja jmexxu fuq il-valuri, mhux fuq il-vanità. Jiena nemmen f’din il-Malta. U nemmen li l-PN jista’ jkun parti mit-tmexxija tagħha.
Dan il-mument mhux biss dwar il-partit. Huwa dwar il-pajjiż. Huwa dwar kif nuru li l-politika tista’ ssir b’mod differenti – b’integrità, empatija u determinazzjoni. Kull ġenerazzjoni għandha l-mument tagħha. Tagħna huwa issa. Dan hu l-mument.


Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 21 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>