minn Adriann Delia
Din kienet il-ġimgħa li fiha ppreżentajna s-slogan tal-kampanja tiegħi. Kampanja fejn bdejna nnisslu nifs pożittiv fil-partitarji tagħna u nnibbtu sens ta’ tama ħajja – li iva, għad nerġgħu nirbħu u noffru nifs ġdid għal pajjiżna.
Komplejt nimla qalbi bl-entużjażmu tagħkom meta lqajtuni fid-djar u l-irħula tagħkom waqt diversi laqgħat mal-kumitati tagħna u magħkom ilkoll waqt il-festi li żort – u kullimkien.
Kellna wkoll l-okkażjoni niltaqgħu waqt żewġ attivitajiet li l-preżenza massiva tagħkom kabbrithom ferm iktar milli stennejna. Kull fejn mort, kont kommoss bin-numru ta’ nies li għamluli kuraġġ, wegħduni l-fiduċja tagħhom – u fiduċja ikbar li flimkien se naslu, se nirbħu.
Nirbħu jekk ningħaqdu f’forza waħda.
Nirbħu jekk nifthu l-bibien beraħ għal dawk kollha ta’ rieda tajba.
Nirbħu kontra kull previżjoni.
Nirbħu jekk nikkonvinċu li nistgħu nirbħu.
Nirbħu jekk nemmnu verament li nistgħu nirbħu.
Biex naslu hemm, se nuża l-istess fidi u viżjoni li wasslitni biex nirbaħ il-kawża kontra Vitals/Steward u kontra l-għażliet tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Ma naqtgħu qalbna qatt…
Flimkien, NIRBĦU.



Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 21 ta, Lulju, 2025.
//= $special ?>