Opinjoni

OPINJONI: Persistenza

It-tajjeb jieħu l-ħin tiegħu biex jafferma ruħu. Iż-żmien biex jiġi aċċettat u implimentat. Nafu dan mid-dinja. Iktar faċli tmur mal-kurrent milli l-kontra

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

L-esperjenza turik li pożizzjoni tajba imma kuntrarja għall-oħrajn trid tbati biex tasal. Biex twettaq dan trid dożi qawwija ta’ konvinzjoni u determinazzjoni. Wieħed għalhekk irid jibqa’ jinsisti anki jekk ikun hemm mumenti għalih twal fejn iħoss li mhux mismugħ.

Dak li rajna
F’dan huwa iktar ċar li proprju l-persistenza u l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista f’diversi punti li kellu jgħaddi proprju minn dan.
Mumenti twal fejn kien jidher li qiegħed waħdu abbandunat fil-ġenb. Mumenti meta jsib ruħu miexi fid-deżert jittama li jaqbad jew iqabduh lura t-triq lejn Ġerusalemm.
Imma ż-żmien kif nafu tawh diversi drabi parir u raġun. Dak li ġarrab juri li jekk ma tibqax timxi ’l quddiem tfittex il-verità u li twettaq is-sewwa tispiċċa minflok titlef is-sens u s-sustanza tiegħek stess. Aħjar tibqa’ li int, awtentiku u mhux kopja fil-vuċi solitarja.

Boxxla
Trid proprju għalhekk aktar temmen fil-boxxla tal-valuri tas-sewwa tiegħek u timxi ’l quddiem. Anki jekk avversat, imkasbar u umiljat trid tibqa’ tħares ’il quddiem.
Huma x’inhuma ċ-ċirkostanżi dak il-bniedem irid jifhem li dak li jidher li huwa tant b’saħħtu quddiemu, fil-fatt mal-prova mhux.
Is-sitwazzjoni tinbidel u jekk ma tħarisx sew lejn il-polz tispiċċa ma tifhemx dak li għaddej.
Dan iktar u iktar f’dan il-mument preċiż tas-soċjetà tagħna. Meta qed tħares lejn bidla fit-tmexxija u tfittex biex twettaq dan. Proċess xejn faċli imma li juri li hemm ċirkostanzi differenti li żviluppaw.

Errandodiscitur
F’dan hemm dak li ta’ qabilna kienu jaħsbu u jiddikjaraw. Meta tiżbalja titgħallem, anzi aħjar permezz tal-iżbalji li titgħallem.
Naħseb li qegħdin proprju aktar f’din il-pożizzjoni wara snin preċedenti li fihom ħadna deċiżjonijiet li ma kenux proprju tajba. La politikament u anqas fis-sustanza tagħhom.
Hi x’inhi l-pożizzjoni għandna nitgħallmu aktar li aħjar jekk naċċettaw li dak li fassalna ma ħadimx u li għalhekk irridu nimxu ’l quddiem.
Il-lezzjoni hija mhux li nirrepetu dak li ġarrabna, imma li nfasslu fil-kontra tiegħu. Fejn l-iktar importanti mhux min kellu tort imma x’rimedji, x’soluzzjonijiet jista’ joffri.
Dak li sar huwa parti minn proċess fid-direzzjoni tagħna lejn ħidma aqwa milli kellna. Ideat, mexxejja, strateġiji, tattiċi li jibdlu fil-konsiderazzjoni ta’ dak li ġarrabna.

Riħ differenti
F’dan aktar wieħed irid jifhem li l-opportunità biex ikun hemm bidla fil-Gvern, fil-fatt żdied u f’dan ma naqasx. Wieħed jista’ jipprova jsib spjegazzjoni għal dan l-iżvilupp uman.
Inkella wkoll li jidħol fl-analiżi ta’ min kien responsabbli ta’ xiex qabel biex jifhem llum. Imma li fil-verità dak li għandu jinteressana huwa li hemm barra fl-elettorat hawn riħ ġdid li qiegħed jonfoħ.
Ma għandniex bżonn noperaw f’esaġerazzjonijiet anqas kunflitti passati. Għandna nieħdu biss l-għarfien ta’ dak li hemm bżonn biex nagħtu tweġiba lill-problemi soċjali u ekonomiċi li s-soċjetà qed tmiss illum u ser tkompli fis-snin li ġejjin.

Ħalluna nirbħu
Proprju f’dan għalhekk linja politika ta’ prudenza, attenzjoni u preċiżjoni. Dan iktar fl-għarfien sħiħ ta’ dak li huwa essenzjali biex ma noħorġux mil-linja delikata u diffiċili li għandna quddiemna biex din il-bidla s-seħħ.
Aħjar pass lura, kelma inqas, anki silenzju, imma mhux aġir li jissarraf f’autogoals. Nibqgħu pass lura llum biex nimxu ’l quddiem għada.
Nittama li nifhmu kemm dan huwa importanti. Nittama li nifhmu li b’passi għaqlin u tajba naslu ferm iktar ’il quddiem.
Ċertament f’dan l-appell tiegħi huwa li għandna nibqgħu nimxu fil-persistenza biex inwettqu l-bidliet li pajjiżna jeħtieġ.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 20 ta’ Lulju, 2025.