Knisja

Pellegrinaġġ f’Lourdes immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna

L-Arċisqof Charles Scicluna flimkien ma’ 185 persuna mexxa pellegrinaġġ annwali ta’ erbat ijiem f’Lourdes għall-pazjenti Maltin, organizzat mill-Għaqda Maltija Trasport tal-Morda f’Lourdes.

L-Arċisqof kien akkumpanjat minn Dun Joe Mizzi, id-direttur spiritwali tal-Għaqda, flimkien ma’ żewġ saċerdoti oħra li se ħadu ħsieb l-aspett spiritwali tal-pazjenti u l-pellegrini Maltin matul il-pellegrinaġġ.

Tim mediku magħmul minn tmien tobba, tmien infermiera, erba’ spiżjara u radjografu, għamlu dak kollu possibbli biex 50 pazjent ma jonqoshom xejn u jibqgħu jirċievu l-kura medika meħtieġa.

Din is-sena, jgħinu wkoll il-pazjenti, kien hemm 70 voluntier, li minnhom 31 kienu voluntiera ġodda, 13-il voluntier ieħor li għalihom din hi t-tieni esperjenza, filwaqt li l-kumplament tas-26 voluntier ilhom jgħinu f’dan il-pellegrinaġġ għal bosta snin.

Matul il-pellegrinaġġ, il-pazjenti, il-voluntiera u l-pellegrini kienu qed jgħixu flimkien l-esperjenza straordinarja tal-fidi u l-imħabba f’Lourdes.

Apparti minn hekk, huma ħadu sehem f’diversi funzjonijiet reliġjużi, fosthom fil-quddiesa internazzjonali, l-Adorazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa u l-purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l-Aux Flambeaux.

L-Arċisqof Charles Scicluna mexxa wkoll quddiesa bil-Malti fil-Grotta tal-Madonna u wara mexxa l-Via Sagra. Fejn għal darb’oħra talab għal konverżjoni tad-dinja u sabiex ommna Marija tidħol għalina quddiem Alla u tisseddaq il-paċi fid-dinja.