Kinaan Abdinasir Noor, raġel ta’ 29 sena mis-Somalja, reġa’ nżamm arrestat wara li nstab rieqed barra fit-triq, f’dak li allegatament huwa ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Noor qiegħed jistenna l-ġuri tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Bakri Bashir, raġel Eritrean li nqatel b’daqqiet ta’ mqass fil-Marsa fl-2019.
Meta tressaq l-ewwel darba l-Qorti, Noor wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ omiċidju volontarju, li żamm arma waqt il-kummissjoni ta’ reat, u li sar riċediv. Il-Qorti Kriminali kienet ħelsitu mill-arrest fit-18 ta’ April 2023, wara depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
F’Jannar li għadda, Noor kien ikkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta li seraq scooter elettriku li jiswa madwar €200. Fis-seduta, l-Ispettur Wayne Camilleri spjega kif uffiċjali tal-Pulizija sabu lil Noor rieqed barra — b’mod li jikkostitwixxi ksur ċar tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu jeħtieġu li jgħix f’indirizz stabbilit.
Huwa ġie arrestat u kkoopera mal-Pulizija fi stħarriġ li sar sussegwentement.
Il-Maġistrat Nadia-Helena Vella ordnat li Noor jerġa’ jinżamm arrestat, bil-każ mistenni jkompli nhar l-Erbgħa li ġej.
L-avukati Marion Camilleri u Anthea Bonnici Zammit dehru għall-akkuzat.
//= $special ?>