Mijiet ta’ pazjenti li għandhom dijanjosi ta’ Type 1 diabetes qed jaffaċċjaw sfidi finanzjarji u anke ta’ saħħa hekk kif qed ikunu sfurzati jixtru l-Continuous Glucose Monitoring patches li bihom ikunu jistgħu isewgu l-livelli taz-zokkor f’ġisimhom.
Rapporti qed jindikaw illi l-Gvern, naqas milli jġedded it-tender għas-supply ta’ dawn il-patches. U huwa propju għalhekk illi dawk li għandhom eta żgħira u li jagħmlu użu minn dawn il-patches qed ikunu sfurzati jixtruhom minn buthom.
Dawn ir-rapporti qed jispjegaw illi sakemm il-kuntratt kien fis-seħħ, il-persuni kienu eliġibbli li jirċievu dawn il-patches mingħand il-Gvern. Iżda, wara li l-kuntratt skada u l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex iġeddu, dawn mhux qed jirċievu l-patches mingħajr ħlas.
Il-Continuous Glucose Monitoring patches – magħrufa wkoll bħala CGM, huma patches li jintużaw sabiex ikun segwit il-livell taz-zokkor fil-ġisem. Bil-patch, tibgħat alert lill-persuna li tkun qed tagħmel użu minnha jekk iz-zokkor ikun f’livelli mhux normali.
Mingħajr dawn l-alerts, wieħed jissogra li ma jindunax bil-bidliet fil-ġisem u għaldaqstant jidħol f’riskju ta’ numru ta’ problemi relatati mas-saħħa.
Huwa propju għalhekk, illi rapporti qed jindikaw li wara li l-Gvern ma ġeddidx it-tender, il-pazjenti qed ikunu sfurzati jixtru dawn il-patches – li jservu madwar 10 ijiem – u li jiswew mijiet ta’ ewro minn buthom.
//= $special ?>