Lokali

Tinġabar is-somma ta’ €632,153 fil-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

€632, 153.

Kienet din is-somma sabiħa li nġabret waqt it-53 siegħa tal-Maratona tal-Volleyball b’risq  id-Dar tal-Providenza.

B’kollox kienu 40 plejer li ffurmaw ħames timijiet, b’logħob kontinwu anke matul il-lejl, bl-attività bdiet il-Ġimgħa filgħaxija u ntemmet il-Ħadd f’nofsillejl.

Fl-indirizz tiegħu, Fr Martin, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza wera l-apprezzament tiegħu u rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi li ta kull sena juri l-qalb kbira tiegħu u jikontribwixxi sabiex id-Dar tibqa’ tgħin lil dawk li huma tant fil-bżonn.

Huwa rringrazzja wkoll lill-plejers, lill-voluntiera, lill-membri tal-kumitat organizzattiv, il-kantanti u lil kull min ta s-sehem tiegħu f’din il-maratona.

Il-15-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza bdiet il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju u ġiet fi tmiemha l-Ħadd 20 ta’ Lulju, fejn  b’kollox kien hemm 53 siegħa ta’ logħob.

Kienu diversi persuni li ngħaqdu sabiex jilgħabu diversi logħob tal-volleyball bil-għan li jgħinu lill-persuni li jingħataw l-għajnuna mingħand id-Dar tal-Providenza, fosthom mitt voluntier.

Il-Maratona tal-Volleyball saret ukoll bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-Tama fejn il-Knisja madwar id-dinja qed ikunu mistiedna jkunu pellegrini tat-tama permezz ta’ atti ta’ karità u għaqda.