Mara ta’ 45 sena ngħatat sentenza ta’ 400 siegħa xogħol fil-komunità wara li nstabet ħatja ta’ ħasil ta’ flus. Hija tpoġġiet ukoll taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. Il-passat ta’ Charmaine Bezzina xejn ma kien wieħed feliċi fejn kienet involuta fit-traffikar tad-droga u prostituzzjoni u li għamlet użu minn fondi minn attività kriminali. Hija kienet tagħta għal logħob tal-azzard f’diversi Casinos.
F’każijiet ta’ ħasil ta’ flus il-piena hija nflitta hija waħda karċerarja, imma l-bidla kbira li għamlet f’ħajjitha Charmaine Bezzina, wassal lill-Qorti biex fi kliemha ma tkissirx dak kollu li ħadmet għalih u għadha taħdem għalih fejn bidlet ħajjitha minn lejl għan-nar u llum għandha mpieg fiss u hi persuna riformata.
Bezzina, kienet ġiet ikkundannata fil-passat u qattgħet madwar erba’ snin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bejn l-2014 u l-2018. Fil-Qorti rriżulta li kienet tgħix bl-għajnuna soċjali, iżda fl-istess ħin kienet tonfoq eluf ta’ ewro f’diversi Casinos.
Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), irriżulta li bejn l-2017 u l-2021, il-mara kienet għamlet depożiti li jammontaw għal €108,480, kienet rebħet €528,987 u tilfet €474,885 f’logħob. L-awtoritajiet sabu wkoll li l-mara kellha bosta kundanni preċedenti għal reati mhux biss ta’ droga, iżda wkoll ta’ prostituzzjoni.
Fil-Qorti ħareġ li hi kienet tilgħab bil-flus li kienet taqla’ minn attivitajiet illegali, u li kultant kienet tissellef minn persuni oħra biex tkompli tilgħab. Ħafna drabi kienet taħseb li rebħa waħda kbira setgħet issolvi l-problemi finanzjarji kollha tagħha, iżda spiċċat tidħol aktar fl-abbissi tad-dejn u d-dipendenza.
Mill-provi prodotti u minn dak li semgħet il-Qorti jirriżulta li sorsi kunfidenzjali kienu qegħdin jirrapportaw lill-awtoritajiet li l-akkużata kienet qed tilgħab ammont sostanzjali ta’ flejjes. L-akkużata kienet diġà magħrufa ma’ l-awtoritajiet peress illi kienet involuta fit-traffikar tad-droga.
Peress li dak iż-żmien l-akkużata kienet tinsab il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, hi kienet tilgħab il-flus qabel ma’ daħlet il-ħabs u għalhekk bejn is-sena 2014 u 2018. Irriżulta ukoll li l-aħħar li ħadmet l-akkużata kien fis-sena 2008 u li kien ilha mis-sena 2013 tirċievi l-għajnuna soċjali ta’ madwar €5,000 fis sena.
L-akkużata kienet qalet li kienet taħdem bħala xufiera tat-taxi ma’ Casino Malta però dan ma’ rriżultax waqt l-investigazzjoni u lanqas ma irriżulta li kellha xi introjtu leġittimu li seta’ jissostanzja l-kapital maħruġ għal dan il-logħob.
Barra minn hekk l akkużata kellha diversi multi u spejjeż tal-Qorti, mis-sena 2012 u li kienu jammontaw għas-somma ta’ €16,000. Irriżulta li Bezzina l-akkużata ikkowoperat bis-sħiħ mal-uffiċjal investigattiv kif fill-fatt irriżulta mix xhieda ta’ l-Ispettur Leanne Bonello.
L-Ispettur Bonello xehdet li l-pulizija saret taf dwar il-każ minn sorsi kunfidenzjali li rrapportaw li l-akkużata kienet qegħda tilgħab ammont sostanzjali ta’ flejjes. Hija eżebit CD li fuqha hemm rekordjat l-interrogazzjoni li saret fuq Bezzina.
L-akkużata, għalkemm kienet tressqet il-Qorti qabel minn Spetturi oħra, dejjem tressqet fuq kawżi relatati mat traffikar tad-droga u qatt ma’ tressqet fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. L-Ispettur Bonello spjegat li bħala depożiti kien hemm €108,480, rebħ ta’ €528,987 u telf ta’ €474,885.14 u huma t-total tat-tliet Casinos – BestPlay, Media Games u Casino Malta.
Ix-xhud ikkonfermat li l-akkużata kienet stqarret magħha waqt l-interrogazzjoni li l-flus kienu ġew mit-traffikar tad-droga u prostituzzjoni. Qalet ukoll li hi kienet ġiet ikkundannata sentenza ta’ ħabs. Bezzina stqarret li l-introjtu tagħha kienet iġġibu mill-prostituzzjoni u mid-droga u imbagħad dawn il-flus kienet tilgħabhom.
Nefqet ġidha kollu fid-droga u l-logħob tal-ażżard
Hija stqarret li dan kien bejn is-sena 2014 u 2018 għaliex imbagħad daħlet il-ħabs fejn għamlet tliet snin u xahrejn. Sussegwentement ħarġet mill-ħabs u għamlet disa’ xhur barra imbagħad reġgħet spiċċat il-ħabs. Stqarret ukoll li m’ għandha l-ebda proprjetajiet f’ isimha u kull sold li kellha nefqitu fid-droga jew fuq il-logħob u dawn il-flus ġabithom mill-kriminalità u dan pattiet għalih.
L-akkużata kompliet tistqarr li hi lanqas lira m’għandha u tgħaddi bil-paga u xi ħaġa li jagħtiha missierha. M’għandha xejn, lanqas karozza, lanqas par imsielet. Bezzina kompliet tistqarr li hi kienet tilgħab, tirbaħ, terġa’ tilgħab, tiddejjen biex tilgħab, imbagħad kienet tidħol fl-użura u terġa’ tiddejjen biex tħallas.
Fl-istess ħin kienet tieħu d-droga u tkun f’ ċirku ta’ problemi. Waqt li kienet il-ħabs għal tliet snin u xahrejn ħadmet fuqha nnifisha imma imbagħad wara disa’ xhur barra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin reġgħet spiċċat il-ħabs.
Hija stqarret li mbagħad ħadet deċiżjoni fejn minflok tiddejjen biex tħallas il-multa u tbiegħ id-droga, marret xahrejn ħabs minflok ħallset il-multa u kienet bdiet programm. Stqarret li jekk kienet se teħel ħabs kienet se tieħu li ħaqqha.
Stqarret li issa tgħallmet li fil-ħajja kien hemm il konsegwenzi għal li tagħmel. Stqarret li mas-Sedqa kienet qed taħdem biex tegħleb il vizzju tal-logħob u tad-droga u kif jaħdem il-moħħ. Hija qalet li kienet qed tgħid il-verità u tammetti għaliex għalxejn tigdeb, tiċħad u ttawwal, riedet taqta’ u tibda’ tgħix ħajjitha. Hija qalet li meta jasal iż-żmien riedet tagħmel il-programm.
Mistoqsija għaliex lil tal Casino Malta qaltilhom li kienet xufiera tat-taxi, hija qalet li kienet gidbitilhom għax dak iż-żmien ma’ kienitx taħdem bit-taxi iżda meta kienet iżgħar veru li kienet taħdem ta’ taxi driver ma’ missierha li kellu t-taxis mis-suwed u fil-fatt kellha l-badge l-oranġjo li rritornat lura lil Transport Malta peress illi meta wieħed ma’ jibqax jaħdem ta’ xufier ikollu jirritorna l-badge lura.
Mistoqsija dwar il-karozzi li jidhru fuq isimha hija qalet li ma’ tafx x’ sar minnhom. Fil-fatt stqarret li kellha problema biex tirreġistra karozza fuq isimha għax kellha bżonn nutar u kellha sekwestru fuqha kif ukoll friżar ta’ l-assi. Hija qalet li dak iż-żmien riedet tkellem lil tas-Sedqa ħalli tordna update u fi żmien tmien xhur tirranġa kollox u toħroġ taħdem.
Kienet tisraq lil missierha li qatt ma rrapportaha
L-akkużata kompliet tistqarr li kienet għamlet żmien tgħix fuq ir-relief u fil-fatt dan kien sas-sena 2016. Hija qalet li sakemm kienet tgħix ma’ missierha ma’ kienx ikollha bżonn flus għall-ħajja ta’ kuljum iżda imbagħad bdiet tisraq mingħandu biex tilgħabhom u qatt ma rrapportaha u anke ħafrilha diversi drabi.
Meta fl-aħħar ma felaħx iktar u tefagħha ‘l barra bdiet tipprostitwixxi ruħha u imbagħad taha l-aħħar ċans. Stqarret li missierha kellu każin u kien bit-taxi iżda l-familja dejjem ġiet l-ewwel. Tgħid ukoll li hija trabbiet f’ ambjent ta’ logħob għaliex kienet tkun il-każin peress li missierha kien jkun hemm u mill-iskola kienet tmur il-każin.
Tgħid li ħutha ma’ ħarġux bħala u fil-fatt oħtha kienet ggradwat fil-B.Comm. Hija stqarret li meta lagħbet il-flus li ġew mid-droga u l-prostituzzjoni ma’ ġiethix f’rasha li kienet qed tagħmel ħażin. Stqarret ukoll li kellha sekwestru mill-bank u li lill ġenituri ma’ kienet għadha qaltilhom xejn.
Dan peress illi missierha kien għadu kif inħaraqlu l-appartament tiegħu ġewwa l-Isla u ommha kienet għadha kif ħarġet mill-isptar il ġurnata ta’ qabel allura m’ rieditx tinkwethom għax huma kienu mingħalihom li l-ġimgħa ta’ wara kienet se tibda’ il-programm ta rijabilitazzjoni.
Illum il-ġurnata, Bezzina xehdet li qed taħdem ma’ RM Echo Services Ltd bħala supervisor fix-xogħol tat-tindif li sabet bis-saħħa tal-uffiċjal tal-probation tagħha. Hija tgħix mal-ġenituri tagħha u qalet li dawn għadhom jgħinuha minkejja kollox. Żiedet li spiċċat programm ta’ riabilitazzjoni ġewwa l-kumpless ta’ Santa Marija, u għadha tattendi regolarment biex iżżomm il-kontroll fuq il-vizzji tagħha.
Fil-Qorti, instema’ kif Bezzina kienet fi stat ta’ vulnerabbiltà kbira meta ġiet assistita għall-ewwel darba mill-uffiċjal tal-probation Maryanne Zammit fl-2022. Zammit minn naħa tagħha xehdet li Bezzina kienet “mkissra” f’relazzjoni kważi abbużiva u kienet ukoll taħt l-influwenza tad-droga.
F’Ġunju tal-2022 bdiet taħdem biex tbiddel ħajjitha
Madankollu, hija bdiet turi sinjali ta’ bidla minn Ġunju ta’ dik is-sena, u dan kien ukoll iż-żmien li ngħatat sentenza ta’ priġunerija li matulha bdiet tagħmel tibdil pożittiv f’ħajjitha. Waqt is-sentenzi tagħha, il-Qorti semgħet kif Bezzina temmet b’suċċess programm residenzjali fil-komunità terapewtika ta’ Santa Marija fl-2024.
Ir-riżultati tat-testijiet tagħha għall-abbuż ta’ sustanzi kienu negattivi, u rnexxielha wkoll issib impjieg mal-kumpanija RM Eco Services, fejn saret anke supervisor. Zammit irrimarkat li l-akkużata ħadmet ħafna fuqha nnifisha u rċeviet feedback pożittiv kemm minn Santa Marija kif ukoll minn dak li kien jimpjegaha.
Fid-difiża tagħha, l-avukat David Gatt argumenta li l-każijiet li ġew preżentati bħala prova ta’ reċidiva kienu jmorru lura għal żmien qabel dawn l-imputazzjonijiet, u l-Qorti laqgħet dan l-argument. Għalkemm il-krimini kienu serji – partikolarment il-ħasil ta’ flus – il-Qorti, qieset li l-akkużata għamlet tibdil profond u sinifikanti f’ħajjitha.
L-Ispettur Joseph Xerri, mill-iskwadra kontra d-droga, qal fil-Qorti li wara informazzjoni li rċieva, kienet saret tfittxija fir-residenza ta’ Bezzina f’Ħal Luqa. Instabu diversi sustanzi suspettati li huma droga. Hi qaltluli xi ftit mid-droga kienet tgħid li hi ta’ Darren Robert Mercer, li kien jgħix magħha.
Instabu ukoll €1,260 fi flus kontanti, u ġiet identifikata vettura BMW bħala tagħha. Wara l-interrogazzjoni, Bezzina ammettiet u ġiet ikkundannata għal priġunerija u multa. Il-Maġistrat Leonard Caruana li sema’ l-każ ikkunsidra l-fatt li Bezzina wriet rieda li tinbidel wara li kienet diġà għaddiet minn kundanni oħra.
Il-Qorti stqarret li piena karċerarja kienet tpoġġi f’riskju l-progress li Bezzina kisbet u tista’ ġġiegħilha terġa’ taqa’ fl-istess triq preċedenti tal-abbuż tad-drogi. Madankollu, ġiet ordnata li għandha tagħti lura lis-soċjetà permezz ta’ xogħol volontarju fil-komunità għal 400 siegħa. Bezzina qed tkompli tattendi l-programm ta’ riabilitazzjoni u tagħti sostenn lil persuni oħra li jgħaddu minn sitwazzjonijiet simili.
Il-Qorti kkonstatat li, minkejja li fuq isem Bezzina kienu reġistrati tliet vetturi, dawn ma ġewx akkwistati fil-perjodu relevanti għall-akkużi. Lanqas ma rriżulta li kienet akkwistat propjetà oħra matul dan il-perjodu. Madanakollu, stabbiliet li kienet kisbet profitt illeċitu ta’ €116,129.40 li kellu jiġi konfiskat favur il-Gvern ta’ Malta. Din is-somma tirreferi għal profitti miksuba b’mod dirett jew indirett bħala riżultat tar-reati li għalihom ġiet instabet ħatja.
Il-Qorti spjegat b’mod ċar lill-akkużata l-effetti ta’ dawn l-ordnijiet kif ukoll il-konsegwenzi jekk tonqos milli tikkonforma magħhom jew jikkommetti reat ieħor. F’dan il-każ, tista’ tiġi kkastigata għall-istess reati li għalihom instabet ħatja.
Konfiska tal-Assi
Skont l-Artikoli 23A u 23B tal-Kodiċi Kriminali, kif kienu fis-seħħ qabel il-bidliet introdotti bl-Att VI tal-2024, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ kwalunkwe proprjetà taħt il-pussess jew kontroll ta’ Bezzina, inkluż assi barra minn Malta, li jikkorrispondu għall-valur ta’ €116,129.40.
Barra minn hekk, il-Qorti ordnat komunikazzjoni formali ta’ din is-sentenza lid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, sabiex jiġu implimentati l-passi neċessarji għar-rekupru tal-fondi. Il-Qorti qalet Illi fir-rigward tal-ikkalibrar tal-piena, ħadet in konsiderazzjoni diversi fatturi. Illi mis-Social Inquiry Report jirriżulta illi għalkemm l-akkużata kellha familjari stabbli fit-trobbija tagħha, hi ġiet esposta sa minn kmieni għall-ħajja fil-każini.
Kienet tħossha waħedha emozzjonalment u mdejqa. Jirriżulta wkoll, iżda li kellha problema ta’ dipendenza fuq id-droga, xorb u anke l-vizzju tal-logħob ta’ l-azzard. Jirriżulta ukoll mix-xhieda tal-psikoterapista ta’ l-akkużata li ġarret ċertu weġgħat minn tfulitha li ikkontribwixxew għal dawn il-vizzji.
Jirriżulta madanakollu li ftit tas-snin ilu, l-akkużata ddeċidiet li tbiddel ħajjitha radikalment u saħansitra temmet programm residenzali b’ suċċess u għandha impjieg fiss fejn anke ngħatat promotion, tant sejra tajjeb.
Il-Qorti qalet li tqis li r-reati mwettqa mill-akkużata, partikularment dak ta’ ħasil ta’ flus huwa reat serju u għandu konsegwenzi serji kemm fuq is-soċjetà kif ukoll fuq l-ekonomija ta’ pajjiż. L-ammonti li l-akkużata ipproċessat mill-logħob ilaħħqu l-għexieren tal-eluf ta’ Ewro.
Għalhekk, il-piena għanda tkun waħda severa, anke għaliex l-akkużata wettqet dawn ir-reati fi żmien fejn kienet qed tiffaċċja proċeduri kriminali għal reati mwettqa preċedentement. Min-naħa l-oħra, il-Qorti ma tistax tinjora l-fatt li l-akkużata għamlet passi sostanzjali fir-rijabilitazzjoni tagħha.
Il-kobor ta’ dan il-pass jidher anke mill-fatt li l-akkużata nstabet ħatja diversi drabi ta’ reati relatati mal-abbuż tad-droga. Illi t-tip ta’ ħajja li kienet irrikorriet għaliha l-akkużata kienet waħda infeliċi u bl-għajnuna tal-professjonisti u bir rieda b’saħħitha tagħha, l-istess akkużata rnexxielha tibda ħajjitha mill-ġdid u saħansitra qed taqal l-għixien tagħha b’mod onest u legali.
Għalhekk, il-Qorti tara li piena karċerarja effettiva, għalkemm isservi ta’ punizzjoni lill-akkużata se sservi wkoll biex dak kollu li ħadmet għalih tul dawn l-aħħar snin jintilef bir-riskju reali li l-akkużata terġa tirrikorri għall-ħajja preċedenti tagħha, ossija abbuż mid-drogi. B’hekk hija l-fehma tal-Qorti li għar-riabilitazzjoni tal-akkużata stess piena karċerarja m’hijiex waħda idonea.
Il-Qorti tqis, madanakollu, li għalkemm l-akkużata għandha tkompli tissaħħaħ fil ħidma tagħha lejha stess, għandha tirritorna xi ħaġa lura lis-soċjetà u tkompli taħdem versu l-ġid tal-oħrajn. Il-Qorti semgħat li l-akkużata diġà qed tagħmel dan billi qed tkompli tattendi Santa Marija biex tagħmel kuraġġ u tkun ta’ sostenn għall-persuni li rrikorrew hemmhekk.
Il-Qorti rat ukoll li l-Artikolu 3(2A)(a)(ii) tal-Kap. 373 tal-Liġijiet ta’ Malta jippreskrivi piena karċerarja jew multa ta’ mhux inqas minn €20,000 jew it-tnejn flimkien. Fir rigward tal-piena karċeraja, il-Qorti diġà espremiet ruħha. Illi fir-rigward tal-piena pekunjarja il-Qorti tara li jekk timponi multa fuq l-akkużata, anke fil-minimu tagħha ta’ €20,000, ser ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tħallasha meta rriżulta lill-Qorti li l-introjtu tagħha huwa wieħed meqjus.
Hija l-fehma tal-Qorti li imposizzjoni ta’ multa, anke jekk fil-minimu, ser timbotta lill-akkużata għall-ħajja preċedenti tagħha, ossija ħajja fejn trid tara kif se tħallas il-multa jew tagħżel li tagħmilhom priġunerija. Għalhekk il-Qorti ma tarax li piena pekunjarja hija rakkomandata f’dan il-każ.
Għal Bezzina deher l-Avukat David Gatt filwaqt li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Leanne Bonello filwaqt li l-Avukat Kenneth Camilleri mexxa l-prosekuzzjoni f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>