Illum fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara kienu bosta l-eks plejers u uffiċjali ta’ Birkirkara FC, li flimkien ma’ għadd ta’ persuni midħla tal-futbol lokali, fosthom ufficjali tal-klabbs u dawk li jiffurmaw parti mill-familja kbira tal-futbol, taw l-aħħar tislima lil Eks President ta’ Birkirkara FC, Victor Zammit li miet fis-16 ta’ Lulju.
Il-korteo beda’ mill-klabb l-antik ta’ Birkirkara FC, fi Triq il-Wied, u għadda mit-toroq li wasslu sa Pjazza Sant’Elena fejn kien akkumpanjat mill-għaqdiet kollha inkluż Birkirkara Ultras, u t-tliet għaqdiet mużikali Karkariżi Għaqda Mużikali Sant’Elena, Duke of Connaught’s Own Band Club u Soċjetà Mużikali Sant’Antnin. Preżenti fuq quddiem nett, sabiex jagħtu ġieħ lil Zammit kien hemm il-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara fosthom, is-Sindku Desirei Grech u l-Viċi Sindku Maurizio Gauci u l-President attwali ta’ Birkirkara FC, Michael Valenzia.









Fl-istess waqt l-Għaqda tan-Nar Sant’ Elena 18 ta’ Awwissu tat it-tislima tagħha permezz ta’ ħruq ta’ Salut.
Victor Zammit kien id-disa’ President fl-istorja tal-klabb tal-futbol ta’ Birkirkara meta kien elett fl-1996. F’dak iż-żmien, Birkirkara FC kienu amalgamati ma’ St. Andrews, bl-isem ta’ Birkirkara Luxol.
Huwa kien il-President ta’ Birkirkara meta rebħu l-ewwel Kampjonat Premier fl-istorja tal-klabb fl-istaġun 1999/2000.
Victor Zammit baqa’ President ta’ Birkirkara għal 13-il sena sas-sena 2009 fejn matul dawn is-snin it-tim rebaħ xejn anqas minn 18-il unur fosthom darbtejn il-Kampjonat Premier u erba’ darbiet l-FA Trophy.
//= $special ?>