Lokali

“Daqt iridu jispjegaw lili” – Isabelle Bonnici

“Lilkom ma rrispondewkomx, issa daqt iridu jispjegaw lili… tal-mistħija.”

Saħqet dan Isabelle Bonnici f’kumment li ħalliet fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Net News – kumment b’reazzjoni għall-fatt li l-Ministri Laburista ma rrispondewx il-mistoqsijiet li saru mill-ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon dwar id-deċiżjoni li jerġa’ jingħata impjieg lil Kurt Buhagiar mal-LANDS.

Kurt Buhagiar huwa wieħed mill-persuni akkużati bil-qtil involontarju taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, li safa vittma ta’ tiġrif ta’ bini fil-post tax-xogħol, lura fl-2022. Liema tiġrif ġie kkawżat, kif saħqet l-Inkjesta, frott sfruttar ta’ regolamenti.

Isabelle Bonnici saħqet li anke jekk il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti ta’ Net News ġew injorati mill-Kabinett Laburista – lilha ser ikollhom jirrisponduha dwar din id-deċiżjoni.

Liema deċiżjoni waslet saħansitra biex Robert Abela jagħmel bidliet fid-dekasteri Ministerjali – b’sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarjiet jisħqu li l-Lands spiċċa trasferit għand Owen Bonnici min għand Zrinzo Azzopardi minħabba diżgwit li nqala’ bejn il-Ministru Stephan Zrinzo u l-pressjoni interna fi ħdan il-Labour, sabiex Kurt Buhagiar jiddaħħal lura fil-Lands.

Bl-iskuża tal-Prim Ministru Robert Abela surrealment tkun dik li l-istess Buhagiar xorta waħda kien għadu jitħallas.

Intant, bosta kummenti wkoll esprimew simpatija ma’ omm Jean Paul Sofia – li minħabba deċiżjonijiet ta’ dan il-Gvern, għal darb’oħra qed terġa’ jkollha tgħaddi minn perjodu diffiċli.

Ħafna kienu dawk ukoll li qalu li jinsabu dispjaċuti li mhux talli tħalla jidħol jaħdem mal-Lands persuna mixlija bil-qtil involontarju ta’ Sofia, imma li għall-Kabinett Laburista dak li ġara qisu xejn mhu xejn.

Min naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista appella kemm-il darba sabiex Kurt Buhagiar jerġa’ jiġi sospiż mill-pożizzjoni tiegħu fl-Awtorita tal-Artijiet, għall-inqas sakemm jgħaddu l-proċeduri kriminali, dan sabiex tiġi rrispettata l-familja tal-vittma li spiċċaw fix-xena politika minħabba Prim Ministru u Gvern xprunat mill-filosofija tax-xejn mhu xejn.

Apparti min hekk fil-jiem sussegwenti, Isabelle Bonnici saħqet fuq l-importanza tal-appoġġ tal-poplu sabiex dak li ġara lil binha, jekk jista’ jkun ma jerġa’ jseħħ qatt, u kien għalekk ukoll li wissiet li l-Kabinett Laburista issa jrid jagħti rendikont ta’ għemilu.