Internazzjonali

Gaza: Jiżdiedu l-imwiet fost it-tfal minħabba l-effetti tal-malnutriżmu… bil-WHO tikkundanna l-attakki ta’ Iżrael fuq il-faċilitajiet tagħha

L-aħħar rapporti xokkanti mill-Medda ta’ Gaza indikaw l-imwiet – fi żmien 48 siegħa – ta’ aktar minn 100 Palestinjan bl-effetti tal-malnutriżmu. Kważi tliet kwarti tal-vittmi huma tfal u bin-Nazzjonijiet Uniti tisħaq li l-poplu ta’ Gaza qed jitlef l-aħħar riżorsi kruċjali għall-proprja eżistenza tal-komunitajiet lokali.

Dan waqt li s-sitwazzjoni umanitarja qed tikkrolla b’rata allarmanti fost l-aħħar offensiva tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-bejtiet tal-Ħamas f’Gaza.

Sadanittant, il-pajjiżi tal-Punent qed ikomplu jinsistu biex Iżrael ‘jagħti ftit tan-nifs’ liċ-ċivili Palestinjani f’Gaza li ilhom l-aħħar xhur maqbudin fil-morsa tal-gwerra. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, David Lammy, stqarr, pubblikament, li ‘ma jiflaħx aktar jara aktar xenarji grotteski’ relatati mat-traġedja ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat, 28 pajjiż ingħaqdu fi stqarrija kollettiva ta’ kundanna għall-qtil ‘terribbli’ tal-mijiet tar-residenti ta’ Gaza li qed jippruvaw jiksbu ftit loqom tal-ikel għalihom u għal familthom. Dan meta l-isparaturi fuq il-folol taċ-ċivili li qed jistennew qrib iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna saret ħaġa ta’ kuljum.

Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza tista’ tkun jerġa’ agħar mill-aħħar indikazzjonijiet u meta Iżrael bl-ebda mod mhu jippermetti r-rappurtaġġ indipendenti mill-inħawi taħt assedju.

Fl-aħħar sigħat, tMohammed Abu Salmiya, id-direttur tal-isptar ta’ Shifa fil-Belt ta’ Gaza, ikkonferma ‘l-imwiet kontinwu tat-tfal’ bl-effetti tal-ġuh u l-malnutriżmu. Hu konfermat, issa, li aktar minn 900,000 tifel u tifla f’Gaza qegħdin ibatu l-ġuh, b’aktar minn 70,000 jinsabu fi stat akut ta’ malnutriżmu.

U skont Mohammed Abu Salmiya, l-ammont tal-imwiet għandu jirranka sew fil-ġranet li ġejjin, u f’sitwazzjoni li qed tolqot ukoll lill-pazjenti tal-isptar li jbatu minn ċerti kundizzjonijiet bħad-dijabete u problemi fil-kliewi.

Offensiva li qed tikkomprometti l-impenji ta’ fejda

Sadanittant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-offensiva ta’ Iżrael fiċ-ċentru ta’ Gaza kompromettiet l-isforzi ta’ fejda – speċjalment wara li l-faċilitajiet tagħha spiċċaw attakkati mill-qawwiet Iżraeljani.

L-Iżraeljani huma akkużati b’li attakkaw residenza tal-istaff tad-WHO fil-belt ta’ Deir al-Balah – bit-truppi ‘jimmaltrattaw lill-Palestinjani li sabu l-kenn fl-itess residenza’. Ingħad ukoll li t-truppi Iżraeljani anki attakkaw u qerdu maħżen tal-WHO li kien qed iżomm il-provvisti kruċjali għat-trattament tan-nies.

Kelliema għall-militar qalu, madankollu, li t-truppi arrestaw diversi individwi suspettati dwar ‘sehem fit-terroriżmu’ u li ħafna minn dawn l-arrestati inħelsu wara sigħat ta’ interrogazzjoni.

Intant, qed tkompli l-ewwel offensiva kbira mill-art tal-Iżraeljani fuq l-inħawi ta’ Deir al-Balah u bir-riżultat ta’ għexieren ta’ eluf  ta’ refuġjati. Ċivili li kellhom bilfors jabbandunaw djarhom biex ma jinqabdux fl-isparar. Ċivili li huma fost l-għexieren tal-eluf tal-Palestinjani li spiċċaw fl-eqqel ta’ din il-kriżi tal-ġuh.

In-Nazzjonijiet Uniti wkoll qed tirċievi dejjem aktar rapporti dwar tfal u adulti li qed ibatu mill-effetti tal-malnutriżmu u meta qed tappella bl-aktar mod imqanqal biex Iżrael jirrispetta l-obbligi umanitarji – obbligi li jippermettu biex il-Palestinjani jirċievu l-ikel mingħajr il-biża’ li huma wkoll jiżdiedu mal-għexieren tal-vittmi tal-aħħar jiem f’Gaza.

Iżda l-Gvern Iżraeljan baqa’ juri element qawwi ta’ intransiġenza –  bl-Armata twissi li se tkompli bl-azzjonijiet militari intensivi f’Deir al-Balah  bil-għan li teqred il-kapaċitajiet militari tal-Ħamas ‘flimkien mal-infrastruttura tat-terroristi’ f’dik iz-zona ta’ Gaza.

Hu kalkulat li bejn 50,000 u 80,000 Palestinjan, fl-aħħar sigħat, spiċċaw jaħarbu minn Deir al-Balah lejn iz-zona ta’ al-Mawasi, fin-nofsinar tal-Medda ta’ Gaza.

U minkejja kollox, l-Uffiċċju Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti insista li l-ħaddiema tiegħu se jibqgħu xorta fl-inħawi ta’ Deir al-Balah irrispettivament mid-direttivi stretti tal-Iżraeljani biex l-istess inħawi jispiċċaw ‘kompletament evakwati’.

 L-Uffiċċju anki provda lill-qawwiet Iżraeljani bid-dettalji loġistiċi tal-faċilitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’dik iz-zona, fost l-insistenza li ‘Iżrael huwa dejjem fid-dmir li jipproteġihom’ mill-qilla tal-azzjonijiet militari.

Fl-istess ħin, l-ogħla uffiċjali tal-WHO huma partikularment inkwetati li l-istaff inkarigat mill-ħidma umanitarja u l-familji tagħhom, inklużi tfal, jinsabu kontinwament ‘esposti għal periklu kbir’ minħabba l-offensiva indiskriminattiva tal-Iżraeljani fuq Deir al-Balah u l-madwar.