Lokali

“Gvern li qed jammetti l-fallimenti tiegħu fis-sigurtà u fit-turiżmu ta’ kwalità” – PN

Għax ma investiex fil-Pulizija u f’turiżmu ta’ kwalità, kellu jdur fuq il-Pulizija Taljana biex jikkontrolla s-sitwazzjoni

Għax ma investiex fil-Pulizija u f’turiżmu ta’ kwalità, kellu jdur fuq il-Pulizija Taljana biex jikkontrolla s-sitwazzjoni

Fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott u mix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco, ntqal li l-Gvern falla fis-sigurtà ta’ pajjiżna u fit-turiżmu ta’ kwalità. Issa tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u qed jammettiha hu stess. It-talba għal għajnuna mill-Pulizija Taljana mhi xejn għajr ċertifikat li l-Gvern qed jagħti lilu nnifsu ta’ falliment fiż-żewġ oqsma.

Dan il-Gvern ħoloq immaġni ta’ pajjiżna fejn kulħadd jista’ jagħmel li jrid mingħajr konsegwenzi, u issa qed jaħsad dak li żera’ – ambjent ta’ impunità fejn intilef kull kontroll.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna d-deċiżjoni li l-Gvern Laburista jitlob l-għajnuna tal-forzi tal-ordni Taljani biex jintervjenu u jassistu f’żoni turistiċi. Din hi deċiżjoni li tagħti daqqa ta’ ħarta lis-sovranità ta’ pajjiżna.

Malta għandha Korp tal-Pulizija b’uffiċjali ddedikati, iżda dan il-Gvern ħallihom għal riħhom u ma nvestiex fihom. U issa qed ikompli jiddiżrispettahom billi jitlob l-għajnuna ta’ Korp ta’ pajjiż ieħor.

Il-Partit Nazzjonlista jesprimi solidarjetà sħiħa mal-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li ta’ kuljum jagħmlu l-almu tagħhom, bir-riżorsi limitati li jagħtihom il-Gvern, aktar u aktar fid-dawl ta’ popolazzjoni dejjem akbar u turiżmu dejjem aktar irresponsabbli.

Kemm it-turiżmu kif ukoll is-sigurtà f’pajjiżna jeħtieġu Gvern li għandu viżjoni. Gvern li jista’ jagħti serħan il-moħħ lill-Maltin u esperjenza ta’ kwalità lit-turist li ma tkunx ta’ piż jew theddida lill-Maltin u l-Għawdxin.  

Hi ħasra li naraw li dak li tant jaħdmu għalih l-operaturi fil-qasam tat-turiżmu qed jintrema minn Gvern bla impenn jew rieda politika li jinvesti fl-aktar affarijiet importanti.  

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista japprezza l-għajnuna li qed joffri l-Istat Taljan billi jipprovdi l-assistenza u koperazzjoni sħiħa lil Stat Ewropew ieħor li talbu l-għajnuna, il-Gvern Malti falla fi dmiru.

Falla li jżomm livell ta’ turiżmu ta’ kwalità. Falla milli jissalvagwardja s-sigurtà ta’ pajjiżna. U kellu jdur għall-forzi tas-sigurtà ta’ pajjiż ieħor biex iżomm l-ordni f’Malta.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jalloka l-aqwa riżorsi biex jibni mill-ġdid ir-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, u jagħti l-aqwa għodda u t-taħriġ neċessarju lill-uffiċjali tal-Pulizija, filwaqt li min-naħa l-oħra se jkun qed jerġa’ jqiegħed lis-settur turistiku – ta’ kwalità – fuq il-lista ta’ prijoritajiet ekonomiċi għall-futur ta’ Malta u Għawdex tagħna.

Dan hu dak li jixraq lil dan pajjiżna.