Bit-titlu “Agħti t-Tama”, l-avveniment huwa sejħa għas-solidarjetà man-nies foqra tal-Afrika
Nhar il-Ħadd, 27 ta’ Lulju, HopeXchange Malta se torganizza maratona televiżia ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il- HopeXchange Medical Centre f’Kumasi, jew kif inhu magħrufa aħjar, L-Isptar Malti fil-Ghana. L-attività se tixxandar diretta fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali kollha mill-11:00am sal-11:00pm.
L-avveniment għandu l-għan li jiġbor fondi għall-isptar immexxi minn Maltin, li jipprovdi servizzi essenzjali tal-kura tas-saħħa lil xi wħud mill-aktar komunitajiet vulnerabbli fil-Ghana. L-isptar, li ilu jopera bl-appoġġ Malti sa mill-bidu tiegħu, huwa magħruf għall-istandards għoljin tiegħu ta’ kura medika, sensibilizzazzjoni fil-komunità, u taħriġ ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa lokali.
Matul il-ġurnata, it-telespettaturi se jkollhom l-opportunità li jisimgħu stejjer qawwija minn pazjenti, professjonisti mediċi, u voluntiera, kif ukoll igawdu divertiment dirett, bi preżenza ta’ mistiedna speċjali, u aġġornamenti dwar l-impatt li qed iħallu d-donazzjonijiet minn Malta u Għawdex.
“Din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi hija aktar minn sempliċi avveniment televiżiv – hija sejħa għas-solidarjetà,” qal Nikol Baldacchino, id-Direttur tal-Iżvilupp ta’ HopeXchange Malta. “L-isptar f’Kumasi huwa xhieda ta’ dak li l-kompassjoni u l-impenn Malti jistgħu jiksbu internazzjonalment. Kull donazzjoni, kbira jew żgħira, se tagħmel differenza tanġibbli.”
Membri tal-pubbliku, kumpaniji, u organizzazzjonijiet huma mħeġġa jaraw u jikkontribwixxu matul il-ġurnata. Linji għad-donazzjonijiet u pjattaformi online se jkunu miftuħa matul ix-xandira kollha.
Wieħed jista’ jagħti donazzjoni billi jċempel 51002023 (€20) jew 51902088 (€50); SMS 50619216 (€11.65) jew BOV Mobile 79995959.
//= $special ?>