Lokali

Il-Gvern jispiċċa jimporta l-pulizija mill-Italja

Sorsi mill-Korp tal-Pulizija esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li Byron Camilleri mhux qed jafdahom

Il-Gvern spiċċa jimporta l-Pulizija mill-Italja, sabiex jassistu lill-Pulizija Maltija fil-patrols f’Paceville matul ix-xhur tas-sajf.

Tmien uffiċjali tal-Pulizija Taljani se jkunu qed jinġiebu Malta sabiex jassistu lill-Pulizija Maltija fil-patrols tagħhom f’Paceville u lokalitajiet turistiċi oħra f’pajjiżna. B’dawn l-uffiċjali se jkunu qed jiffokaw fuq l-ordni pubblika filwaqt li jassistu turisti Taljani li jkunu f’pajjiżna għal xi btala.

Dan qed isir bi ftehim tal-Pulizija Maltija mal-Korporazjoni Internazzjonali tal-Pulizija Taljana fi ħdan id-Direttorat Ċentrali tal-Pulizija Kriminali fl-Ambaxxata Taljana f’Malta. B’dawn il-Pulizija mistennija jibqgħu f’pajjiżna sas-17 ta’ Awwissu.

Bil-Ministru responsabbli Byron Camilleri, jispjega li dawn se jinġiebu f’pajjiżna primarjament sabiex jindirizzaw zoni li jaraw l-aktar turisti f’pajjiżna. Bil-Ministeru jispjega li dawn il-Pulizija mhux ħa jkunu armati, u wisq anqas se jkollhom poteri eżekuttivi.

Din id-deċiżjoni ddiżappuntat lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija Maltija, b’sorsi minn ħdan il-Korp jitkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet u jirrimarkaw li din id-deċiżjoni tindika li l-Ministru Byron Camilleri mhux qed jafda l-Pulizija Maltija sabiex tagħmel xogħolha.

Filwaqt li oħrajn indikaw, li f’Malta, il-Korp tal-Pulizija diġà attrezzat bil-Community Policing – li l-istess bħat-Taljani – huma uffiċjali li jassistu lill-Pulizija f’partols mingħajr ebda poteri eżekuttivi – cioè ma jistgħux iwettqu arresti… fergħa fi ħdan il-Korp li tinsab imweġġgħa bid-deċiżjoni li jinġiebu Pulizija barranin sabiex jagħmlu x-xogħolhom.

B’dawn is-sorsi jispjegaw ukoll li jinsabu diżillużi, hekk kif jidher li matul l-iljieli tal-weekened, f’Paceville ikun hemm skwadri mill-RIU u saħanistra mill-Ispecial Intervention Unit – tim ta’ Puliizja speċjalizzati f’operazzjonijiet high-risk bħal raids u arresti fost l-oħrajn.

Fl-aħħar jiem u ġimgħat, huma bosta l-isfidi li affaċċjaw ir-residenti tal-lokalitajiet li jaraw l-aktar turisti f’pajjiżna, minn persuni jwettqu atti indiċenti fil-pubbliku, għal storbju esaġerat sa tard bil-lejl u kmieni filgħodu.

U minkejja li wieħed jista’ jassumi li kien propju għalhekk li Byron Camilleri għażel li jġib dawn l-uffiċjali, huwa ddikjara li ma kien l-ebda inċident partikolari li wassal għal din id-deċiżjoni. Iżda kienet deċiżjoni li ttieħdet bħala parti mill-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni li suppost kellu jimplimenta l-Gvern bejn l-2020 u l-2025.

Intant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista ddikjara li din id-deċiżjoni turi kemm il-Gvern Laburista falla fis-sigurtà ta’ pajjiżna u fit-turiżmu ta’ kwalità. Fejn anke esprima s-solidarjetà sħiħa mal-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija Maltija li ta’ kuljum jaħdmu b’ħilithom kollha.

Bil-Partit Nazzjonalista jwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jalloka l-aqwa riżorsi sabiex jagħti l-aqwa għodda lill-uffiċjali tagħna. Dan filwaqt li se jkun qed jipprijoritizza s-settur turistiku.