Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ għall-waqfien immedjat tal-ġenoċidju f’Gaza

GAZA

Robert Abela għadu qed ikaxkar saqajh biex jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan

Fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea ntqal li l-Partit Nazzjonalista qed jingħaqad mas-sejħa li qed issir min 28 pajjiż biex jieqaf immedjatament il-ġenoċidju li qed iseħħ f’Gaza bħalissa.

Huwa inaċċettabbli li tant nies innoċenti jibqgħu jinqatlu ta’ kuljum b’impunità assoluta.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Robert Abela għadu sal-lum ma żammx kelmtu u qed ikompli jkaxkar saqajh biex jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan. Il-Gvern Malti għandu l-obbligu jispjega għaliex qed imur lura minn kelmtu. Għandu jgħid hux qed issir pressjoni fuqu biex jibqa’ ma jirrikonoxxix l-Istat Palestnjan.

Min-naħa l-oħra l-pożizzjoni tal-PN minn dejjem kienet ċara li l-Gvern Malti għandu jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan u li t-triq ’il quddiem għandha tkun il-paċi dejjiema bbażata fuq l-eżistenza u r-rispett reċiproku bejn l-Istat Iżraeljan u Stat Palestinjan.

Il-PN iħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jirrikonxxi l-Istat Palestinjan b’mod immedjat.