Futbol Sport

L-istorja żvelata minn Replay u Net News tiġi kkonfermata… Paul Mbong jiffirma fl-ogħla diviżjoni Serba

Paul Mbong hu plejer ġdid ta' FK Cukaricki.
Paul Mbong hu plejer ġdid ta' FK Cukaricki.

Tasal il-konferma uffiċjali tal-istorja li lbieraħ filgħodu il-paġna soċjali ta’ Replay żvelat b’mod esklussiv. L-internazzjonali Malti, Paul Mbong, se jkun qed jilgħab fis-Super liga Srbije, fl-ogħla diviżjoni Serba, mal-klabb ta’ FK Cukaricki.

B’hekk dak żvelat minn Replay ilbieraħ, kien ikkonfermat l-għada hekk kif il-plejer iffirma kuntratt ma’ dan il-klabb, li tul in-negozjati mal-klabb Serb kien megħjun mir-rappreżentat tiegħu, l-avukat Luigi Fenech.

FK Cukaricki hu wieħed mit-timijiet Serbi f’dan il-Kampjonat li kellu stabbilitá sena wara l-oħra, billi fl-aħħar 13-il sena konsekuttivi dejjem lagħab fis-Super liga Srbije.

L-iskwadra li hi mmexxija mill-eks kowċ nazzjonali Serb ta’ taħt is-17-il sena, Milan Lesnjak. F’Kampjonat Serb li hu kompost minn 16-il tim, f’termini ta’ valur finanzjarju ta’ plejers, FK Cukaricki hu meqjus bħala s-sitt l-aktar tim li jiswa flus, bi ftit anqas minn €13-il miljun.

Mbong li, fl-aħħar staġuni kien qed jilgħab f’Malta ma’ Birkirkara, se jkun qed jibda dik li se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu barra minn pajjiżna.

Mbong, li f’Settembru li ġej jagħlaq 24 sena, diġà lagħab ‘il fuq minn 30 partita mat-tim nazzjonali Malti u skorja żewġ gowls. Fir-rwol ta’ winger fuq il-lemin, Mbong diġà lagħab mal-130 partita fl-ogħla diviżjoni Maltija u skorja 13-il gowl.

Hu mifum li fl-aħħar ġimgħat kien hemm diversi klabbs barranin li kienu qed juru interess f’Mbong, iżda kien biss ilbieraħ, li għall-ewwel darba ħadna indikazzjoni fejn kienet se tkun id-destinazzjoni taż-żagħżugħ internazzjonali Malti, Mbong meta grazzi għall-istorja esklussiva ta’ Replay, permezz tal-paġna soċjali tant popolari mad-dilettanti tal-futbol lokali, sirna nafu li l-eks plejer ta’ Birkirkara kien viċin li jiffirma ma’ klabb fl-ogħla diviżjoni Serba.